Tuesday, December 24, 2024

Mixli bi traffikar ta’ 54 kilo kannabis

Aqra wkoll

Sqalli ta’ 47 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli bi traffikar ta’ 54 kilo kannabis b’valur ta’ €880,000.

Fabio Nastasi kien arrestat fi Spanja wara li l-Pulizija Maltija talbet għall-ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-konfront tiegħu. Huwa kien mixli b’pussess aggravat, traffikar u assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar.

Kien f’Ġunju li għadda meta l-Pulizija sabet id-droga f’appartament f’San Pawl il-Baħar u arrestat lil Santo Arena. Dan tal-aħħar kien akkużat b’pussess aggravat u traffikar tad-droga. 

Fil-Qorti, Arena semma lil Nastasi bħala l-bniedem li ħallsu biex iżomm id-droga għandu. Il-Pulizija bdiet tfittxija għal Nastasi li meta sar jaf li kien qed jiġi mfittex, ħarab minn Malta. 

Kien għalhekk li nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u 40 jum ilu l-Pulizija Maltija kienet infurmata li Nastasi ġie arrestat fi Spanja. Huwa ġie estradit lejn Malta biex setgħu jittieħdu passi kriminali kontrih. Fil-Qorti huwa wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca waqt li għall-imputat dehru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.

Ekonomija

Sport