Żagħżugħ ta’ 26 sena li għandu l-problema tad-droga nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li l-Ħadd filgħodu ħebb għal raġel ta’ 64 sena b’mus u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi fil-Ħamrun.
Marcus Slaine Azzopardi tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo b’rabta ma’ dan l-allegat każ li seħħ quddiem il-Knisja tal-Kunċiżzjoni.
Azzopardi spjega fil-Qorti li għalkemm l-indirizz fejn jgħix huwa Santa Venera, missieru ma jridux d-dar u spiċċa jgħix f’għalqa u jittallab għall-flus.
Fl-awla ntqal li għall-ħabta tat-8.30 p.m., l-anzjan ħareġ bil-kelb tiegħu, kif jagħmel kull filgħaxija, u l-akkużat beda jitolbu xi ħaġa tal-flus. L-anzjan qallu li ma kellux flus x’jagħtih u kien hawn l-imputat allegatament aggredih b’mus.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Elisia Scicluna.