Wednesday, December 25, 2024

Mixli li kien fil-pussess ta’ 125 qartas bid-droga

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 18-il sena li nstab fil-pussess ta’ 125 qartas li kien fihom sustanzi lleċti fil-Marsa, fejn allegatament kien qed ibigħ id-droga minn fuq mutur, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ċaħad l-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Madankollu, peress li l-ebda persuna ma kienet disponibbli biex tidħol terz garanti għalih, l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Josef Ebejer minn Birkirkara kien arrestat il-Ħadd li għadda waqt li allegatament kien qiegħed ibigħ id-droga fil-Marsa. Wara li l-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni dwar allegat bejgħ ta’ droga, l-uffiċjali marru fuq il-post u hemm sabu żagħżugħ li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħataw.

Huwa nstab fil-pussess ta’ mobile u anke ammont ta’ flus kontanti filwaqt li fil-mutur instabu 74 qartas b’sustanza bajda suspettata kokaina, 25 qartas b’sustanza kannella suspettata droga eroina u 26 qartas ieħor b’sustanza ħadra.

L-imputat, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kien fil-pussess ta’ tliet tipi ta’ droga, li nstabu f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. 

Huwa kien ukoll mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata f’Ġunju li għadda. Din tal-aħħar kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għal-libertà proviżorja billi argumentat li l-imputat ma kienx affidabbli biżżejjed. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ superviżjoni termporanja sabiex iż-żagħżugħ ikun segwit mill-qrib minn uffiċjal tal-probation.

Il-Qorti rabtitu biex ikun hemm terz garanti għas-somma ta’ €10,000 fost numru ta’ kundizzjonijiet oħra. Peress li l-ebda persuna ma kienet disponibbli biex tidħol bħala garanti, huwa nżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.

L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin dehru għall-imputat. 

Ekonomija

Sport