Raġel ta’ 29 sena mill-Pakistan inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li ta fastidju sesswali lil tifel ta’ 15-il sena li kien passiġġier fil-vettura tiegħu.
Muhammad Gul Hassain tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Ispettur John Spiteri spjega fil-Qorti kif l-akkużi kontra l-imputat jirrigwardjaw allegat każ li seħħ fit-28 ta’ Jannar li għadda.
Intqal li l-Pulizija kienet irċeviet rapport minn omm il-minuri fejn allegat li binha kien ibbukkja taxi biex mid-dar ta’ nannuh jasal lura d-dar tiegħu.
Ġie allegat li waqt dan il-vjaġġ, l-imputat kien beda jagħmel avvanzi sesswali fuq il-minuri.
Fil-Qorti ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-minuri.
L-Avukat Silvan Pulis deher għal Hassain.