Saturday, December 21, 2024

Mixlija li serqet ċekk biex tixtri brazzulletta

Aqra wkoll

Tania Borg ta’ 39 sena mir-Rabat inżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija li serqet ċekk vojt ta’ anzjana biex tixtri brazzuletta li tiswa aktar minn €4,000. 

Hija kienet mixlija wkoll bi frodi ta’ aktar minn €3,000 minn fuq anzjan ta’ 75 sena, li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li saret reċediva.

L-Avukat Kevin Dingli, li deher għal Borg, talab għall-ħelsien mill-arrest tal-klijenta tiegħu fejn argumenta li l-mara kkoperat bis-sħiħ mal-pulizija. Huwa qal li l-mara kienet vittma ta’ uża u li l-vittmi tagħha diġà ħafrulha. 

Il-Prosekuzzjoni opponiet għat-talba minħabba każi oħra pendenti li hemm fil-konfront tagħha u l-fatt li l-vittmi f’dan il-każ huma persuni anzjani u vulnerabbli.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet it-talba u ordnat li l-mara tinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andy Rotin u Matthew Grech.

Ekonomija

Sport