Moody’s tagħti ċertifikat ieħor eċċellenti wara Budget soċjalment b’saħħtu

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista jinnota ċertifikat b’saħħtu ieħor għall-ekonomija Maltija. Ir-rating ta’ A2 li żammet l-aġenzija internazzjonali tal-kreditu Moody’s, flimkien mal-prospetti ta’ stabbiltà ekonomika, jixhed l-istabbiltà u l-għaqal ta’ Gvern Laburista li qed ikompli jamministra ekonomija b’valur miżjud u li tqassam il-ġid ma’ kulħadd.

Wara Budget soċjalment b’saħħtu u responsabbli li ressaq il-Gvern nhar it-Tnejn li għadda, l-esperti internazzjonali, li huma magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, għamlu downgrades lil pajjiżi Ewropej oħra iżda żammew ir-rating b’saħħtu li kellu pajjiżna. Dan juri fiduċja b’saħħitha f’Malta, li qed tkompli toħloq il-ġid u tqassmu ma’ kulħadd. Fost il-miżuri hemm is-Super Bonus ta’ €1,000 għall-ħaddiema, investiment qawwi fil-familji permezz ta’ tax-cut oħra għall-ħaddiema ġenituri li se tirdoppja dan il-benefiċċju, u t-12-il żieda konsekuttiva fil-pensjoni. Dan apparti r-realtajiet tan-nies li Gvern Laburista se jkompli jindirizza għax għandna ekonomija b’saħħitha, bħall-ħlas kollu tat-terapiji meħtieġa għat-tfal b’diżabilità, il-pensjoni sħiħa lir-romol, it-trasferiment tal-bolol aktar nisa jikkwalifikaw għal pensjoni u ż-żieda fil-Carer’s Grant għall-ġenituri li jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità severa.

Dan huwa Gvern soċjalment b’saħħtu u li b’mod responsabbli qed jara li min jiġi f’pajjiżna jikkontribwixxi u jgawdi mis-suċċess ta’ Malta. L-esperti ta’ Moody’s sostnew li r-rating ta’ pajjiżna huwa dovut għall-fatt li l-ekonomija tagħna kienet kapaċi żżomm ritmu qawwi ta’ tkabbir ekonomiku, kif ukoll inflazzjoni baxxa, minkejja sensiela ta’ xokkijiet kbar internazzjonali. Qalu li l-ekonomija tagħna hija reżiljenti u tiflaħ għall-isfidi internazzjonali, fid-dawl tal-fatt li l-Gvern qed jerġa’ jalloka mal-€400 miljun f’sussidji għall-enerġija. L-esperti ta’ Moody’s qalu li s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna, l-hekk imsejħa economic fundamentals, kibret.

Gvern Laburista għalhekk jibqa’ kommess li jkun għaqli u jagħti direzzjoni ekonomika li ħaddieħor lanqas biss joħlom. Ħaddieħor, li huwa ffissat biss fl-awsterità, jibqa’ jara kollox ħażin illum, f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. Gvern Laburista immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ impenjat li jkun tarka tal-azzar għall-familji u n-negozji, b’ekonomija b’saħħitha li kulħadd qed jirrikonoxxi, ħlief l-Oppożizzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport