Sunday, December 22, 2024

‘Natalis Notabilis’ lura fit-toroq Rabtin

Aqra wkoll

Sa nhar l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru, toroq ewlenin fir-Rabat se jinbidlu f’Villaġġ tal-Milied permezz tal-attività ‘Natalis Notabilis’ organizzata mill-għaqda mhux governattiva li ġġib l-istess isem. L-inawgurazzjoni tal-attività saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Sindku tal-lokalità Sandro  Craus, u Charlo Vassallo f’isem l-għaqda. Din hija l-ħames edizzjoni ta’ ‘Natalis Notabilis’.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li bħala Ministeru qed inkunu ta’ spalla għal din l-attività, li apparti li tinkludi l-aspett tal-volontarjat, l-għan wara din l-attività huwa nobbli għax se sservi biex jinġabru flus għall-karità u se sservi wkoll biex ikun konservat il-wirt kulturali tagħna fejn jidħlu festi tal-Milied. “Il-volontarjat huwa teżor nazzjonali li għandna ngħożżuh u nibżgħu għalih. Nemmnu fih bil-qawwi aktar u aktar meta nikkunsidraw li għandna reġistrati aktar minn 1,860 għaqda volontarja. Il-konvinzjoni tagħna hija riflessa fil-fatt li tul dawn l-aħħar 15-il sena l-Gvern investa madwar €14-il miljun f’dan is-settur, fondi li wasslu għal proġetti fl-ibliet u l-irħula tagħna biex jitgawdew mill-komunitajiet tagħhom”, saħqet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Sandro Craus, Sindku tar-Rabat, qal li l-Kunsill hu sodisfatt li l-attività Natalis Notabilis qed terġa’ tittella u tagħti dehra festiva lil toroq li minnhom infushom huma wirt kulturali. “Ninsab ċert li s-suċċess miksub fl-edizzjonijiet preċedenti se jerġa’ jinkiseb”, qal is-Sindku Rabti. Charlo Vassallo f’isem l-għaqda organizzatriċi tal-attività esprima r-ringrazzjament tiegħu għall-għajnuna li sabu mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur li ddeskriviha bħala strumentali biex setgħet tkompli l-ħidma organizzattiva. Huwa esprima sodisfazzjon li kien hemm numru rekord ta’ applikazzjonijiet biex jipparteċipaw f’dan il-Villaġġ tal-Milied u li dan kompla jinkoraġġihom biex jibqgħu għaddejjin b’ħidmiethom.

Wara l-inawgurazzjoni, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, akkumpanjata mis-Sindku Sandro Craus u minn Charlo Vassallo, daret mal-bankarelli  festivi armati u ngħatat tagħrif dwar ħidmiethom biex setgħu jipparteċipaw f’din l-attività. In-numru ta’ parteċipanti għal din l-edizzjoni kien jammonta għal 80, li huwa numru rekord u li 11 minnhom huma organizzazzjonijiet volontarji.

Ekonomija

Sport