Il-libertà reliġjuża li ngawdu f’Malta ħafna drabi tidher bħala xi ħaġa naturali, kważi garantita. Madankollu, għal xi nsara madwar id-dinja, din hija realtà li lanqas biss jistgħu jimmaġinaw. Dan ħareġ b’mod ċar waqt intervista ma’ Neville Kyrke-Smith, figura prominenti fil-ħidma internazzjonali tal-karità Kattolika Aid to the Church in Need (ACN).
Kyrke-Smith, li serva għal 31 sena bħala Direttur Nazzjonali tal-ACN fir-Renju Unit, jinsab bħalissa Malta, u għalkemm jinsab irtirat, għadu attiv ħafna fil-missjoni tiegħu li jagħti vuċi lill-Insara li qed ibatu. “Meta ġejt Malta madwar 15-il sena ilu, konna għadna qed nibnu l-uffiċċju tal-ACN hawnhekk. Illum nara kemm kibret il-ħidma u dan jagħtini tama,” qal fil-bidu tal-intervista.
Huwa spjega li matul is-snin tiegħu mal-ACN, kellu l-opportunità jżur aktar minn 30 pajjiż, fosthom l-Iraq, is-Sirja u l-Ukrajna li huma kollha postijiet fejn il-komunitajiet Insara jaffaċċjaw sfidi kbar. “Rajt kemm żminijiet tajbin kif ukoll diffiċli. Hemm postijiet fejn il-persekuzzjoni hija diretta u brutali, u oħrajn fejn hija aktar sottili fejn hi aktar forma ta’ oppressjoni jew diskriminazzjoni,” spjega.
Fil-fatt, Kyrke-Smith jiddistingwi bejn persekuzzjoni u oppressjoni. Filwaqt li f’xi pajjiżi, bħan-Niġerja u Burkina Faso, il-vjolenza hija evidenti u spiss fatali, f’partijiet oħra tad-dinja, speċjalment fil-Lvant Nofsani, il-problema hija aktar marbuta ma’ diskriminazzjoni sistematika. “Hemm nies li jitkeċċew mix-xogħol tagħhom, jiġu umiljati fil-qrati jew jitħallew barra mis-soċjetà sempliċement minħabba l-fidi tagħhom,” qal.
Minkejja dawn ir-realtajiet diffiċli, huwa enfasizza li l-ħidma tal-ACN tibqa’ waħda nobbli u essenzjali. “L-organizzazzjoni qed tagħmel xogħol kbir madwar id-dinja, fl-Ukrajna, fir-Russja, fil-Lvant Nofsani, fl-Iraq, fl-Iżrael u fil-Palestina. Dejjem hemm bżonn kbir ta’ appoġġ, kemm spiritwali kif ukoll materjali.”
Waħda mill-aktar affarijiet li impressjonawh tul il-karriera tiegħu hija r-reżiljenza tal-komunitajiet li jiltaqa’ magħhom. “Fost ir-refuġjati fl-Iraq, pereżempju, spiss nisimgħu l-istess kliem: ‘Għandna tama.’ Din it-tama hija marbuta direttament mal-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu. Minkejja li tilfu kollox, għadhom jemmnu li hemm futur.”
Din it-tama hija wkoll riflessa fil-ħidma pastorali li ssir fuq il-post. Kyrke-Smith spjega kif is-saċerdoti u l-mexxejja reliġjużi spiss isiru ċ-ċentru tal-komunità, speċjalment f’żoni milquta mill-gwerra. “Huma mhux biss jipprovdu gwida spiritwali, iżda wkoll jgħinu fil-qsim tal-ikel, mediċini u anke kenn. F’ħafna każijiet, huma l-unika struttura ta’ appoġġ li fadal.”
Meta mistoqsi jekk dawn in-nies jistgħux jitqiesu bħala “martri ta’ żminijietna”, huwa wieġeb b’kawtela iżda b’ċertezza. “Hemm ħafna li qed jagħtu xhieda kbira tal-fidi tagħhom, anke quddiem periklu reali. F’pajjiżi bħal Niġerja u Burkina Faso, hemm min qed jitlef ħajtu. Oħrajn qed jippruvaw jibnu djalogu u paċi, iżda għadhom qed jaffaċċjaw sfidi enormi.”
Interessanti li, skontu, mhux kollox huwa negattiv. “Qed naraw ukoll sinjali ta’ tama, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Hemm ħafna li qed ifittxu mill-ġdid il-fidi u t-tifsira tal-ħajja. In-numru ta’ nies li qed jersqu lejn organizzazzjonijiet bħal ACN qed jiżdied, u dan huwa sinjal li hemm xewqa għal bidla.”
Aspett importanti ieħor li enfasizza Kyrke-Smith huwa r-rwol tal-informazzjoni u l-għarfien fil-ġlieda kontra l-persekuzzjoni. Huwa spjega li ħafna minn dawn l-istejjer qatt ma jaslu għand il-pubbliku internazzjonali, u għalhekk l-opinjoni ġenerali ma tkunx konxja tas-sitwazzjoni reali. “Meta n-nies ma jafux, ma jistgħux jaġixxu. Huwa għalhekk li inizjattivi bħar-rapport ‘Persecuted and Forgotten?’ huma essenzjali u dan kollu sabiex juru x’inhu jiġri tassew u jqanqlu diskussjoni serja,” qal. Skontu, il-midja għandha rwol kruċjali biex tagħti vuċi lil dawn il-komunitajiet li ħafna drabi huma minsija.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħtieġa tad-djalogu bejn reliġjonijiet differenti bħala mezz biex jitnaqqsu t-tensjonijiet. “F’ħafna pajjiżi fejn hemm kunflitt, hemm ukoll nies li qed jaħdmu b’mod attiv għall-paċi u l-fehim. Dawn huma sinjali li rridu nsaħħu,” sostna. Minkejja l-isfidi, huwa jemmen li permezz ta’ kooperazzjoni, rispett u impenn komuni, huwa possibbli li jinbnew pontijiet bejn komunitajiet differenti u jinħolqu soċjetajiet aktar ġusti u paċifiċi.
Meta tkellem dwar Malta, Kyrke-Smith kien pożittiv ħafna. “Malta hija pajjiż sabiħ, mhux biss għall-ambjent tagħha, iżda wkoll għall-identità spiritwali tagħha. Il-lingwa Maltija stess għandha rabta profonda mal-fidi, xi wħud isejħulha anke ‘l-lingwa tal-Mulej’.
Hawnhekk hemm sens ta’ komunità u tolleranza li mhux dejjem issibu f’postijiet oħra.”
Madankollu, huwa wissa li m’għandniex nieħdu dan kollu bħala fatt. “Importanti li nifhmu li dak li għandna aħna mhux universali. Hemm miljuni ta’ nies li jgħixu fil-biża’ kuljum. Għalhekk għandna responsabbiltà li nuru solidarjetà magħhom.”
Wieħed mill-aktar messaġġi b’saħħithom li wassal Kyrke-Smith kien dwar il-qawwa tat-talb.
“Nitlob lill-Insara Maltin, jekk jogħġobkom, itolbu. It-talb huwa l-aktar ħaġa importanti li tista’ tagħmel. Tista’ tidher bħala ħaġa żgħira, iżda għandha impatt enormi. Huwa sinjal ta’ solidarjetà u ta’ tama.”
Huwa żied jgħid li, minbarra t-talb, hemm bżonn ukoll azzjoni konkreta. “Nistgħu nappoġġjaw permezz ta’ donazzjonijiet, billi nxerrdu l-informazzjoni jew billi nagħtu vuċi lil dawk li m’għandhomx. Kull pass jgħodd.”
Neville Kyrke-Smith jibqa’ figura ta’ ispirazzjoni għal ħafna, mhux biss għall-ħidma tiegħu, iżda wkoll għall-viżjoni tiegħu ta’ dinja fejn il-libertà reliġjuża tkun realtà għal kulħadd. Għalkemm issa rtira formalment, il-missjoni tiegħu tibqa’ għaddejja.
Fl-aħħar tal-intervista, ħalla messaġġ sempliċi iżda qawwi: “Ejja ma ninsewx lil dawn in-nies. Huma parti minna. U flimkien nistgħu nagħmlu differenza kif għedtilkom permezz tat-talb, tal-għajnuna u tas-solidarjetà.”


