…tinħoloq paġna fuq il-midja soċjali għal Ollie
“Żgur li mhux se nħalli lil Ollie warajja meta nsifer… anzi neħduh magħna biex nagħmlu ħafna memorji flimkien…” Hekk stqarr magħna Roderick Joseph Psaila, li flimkien ma’ martu Kristy mhux biss qegħdin irabbu kelb, iżda qegħdin joħloqu ħafna memorji flimkien.
Roderick jgħidilna li Ollie li għandu sena u 8 xhur “s’issa żar Sqallija, Reggio Calabria u Ruma fl-Italja, u issa għadu kif skopra r-Repubblika Ċeka u parti mill-Ġermanja. Kull post ġdid ifisser memorji ġodda u aktar nies li waqgħu għas-seħer tiegħu.”

Il-kelb hu parti mill-familja
Roderick jgħidilna li għalihom il-kelb u parti mill-familja u issa sar anke parti mill-familja tal-familjari tagħhom u tal-ħbieb ukoll.
“Tista’ tgħid li huwa qisu t-tifel tagħna… Li nsifru mingħajru kieku nħossuha ħafna. Hija esperjenza sabiħa mmens meta ssifer bil-kelb tiegħek u hu jkun qed jurik li qiegħed jieħu gost fil-post il-ġdid li tieħdu. Jekk qatt nasal f’sitwazzjoni fejn ma nkunx nista’ nieħdu magħna, inħalluh biss f’idejn il-familjari tagħna li għalihom ukoll qisu t-tifel tagħhom,” jgħidilna Psaila, filwaqt li jurina ruxmata ta’ ritratti li ħa lill-kelb tiegħu.
Ir-razza tal-kelb
Hekk kif nibdew nistaqsu dwar ir-razza tal-kelb, Roderick ikun mill-ewwel ippreparat b’ħafna informazzjoni dwar minn fejn orġina l-kelb li tant iħobb.
Jgħidilna li “Ollie huwa West Highland White Terrier, razza li oriġinat fl-Iskozja. Din ir-razza kienet tintuża ħafna għall-kaċċa. Il-pil abjad tal-West Highland White Terrier (Westie) oriġina fl-Highlands tal-Iskozja matul is-Seklu 19.
“Edward Donald Malcolm huwa meqjus bħala dak li stabbilixxa l-kulur abjad tar-razza wara li, bi żball, spara lil terrier ta’ lewn ħamrani għax ħasbu volpi. Wara dak l-inċident, iddeċieda li jara kif jista’ joħloq il-kulur abjad sabiex il-klieb jibqgħu jidhru b’mod ċar waqt il-kaċċa.”
Bit-tbissima Roderick jgħidilna li ħafna “jiftakru l-Westies bħala l-klieb famużi li dehru fir-reklami tal-whisky Skoċċiż *Black & White*, fejn wieħed kien Westie abjad u l-ieħor Scottish Terrier iswed. Sal-lum għadhom fost l-aktar simboli magħrufa ta’ dik il-marka.”
Ir-riċerka li sid Ollie għamel fuq il-kelb u r-razza tiegħu tidher anke meta jgħidilna meta jiġi ċċelebrat il-Jum Nazzjonali tal-Westie. Jgħidilna li jiġi ċċelebbrat kull sena fl-20 ta’ Marzu.
“Dan il-jum jonora lill- West Highland White Terrier (“Westie”) u jfakkar l-anniversarju tal-mewt tal-Kurunell Edward Donald Malcolm, figura ewlenija fl-iżvilupp ta’ din ir-razza fl-Iskozja,” jgħidilna Roderick.
“Multi Champions”
Sidu jitkellem ukoll fid-dettall magħna dwar il-ġenituri tal-kelb. “L-oriġini tiegħu hija tassew impressjonanti, hekk kif kemm ommu kif ukoll missieru huma ‘Multi Champions’ b’titli mirbuħa f’diversi pajjiżi madwar id-dinja f’Dog Shows internazzjonali mill-breeder tiegħu li jisima Andrea Kozlova mill-White Gallardo

“Aparti mill-pedigree prestiġjuż tiegħu, għalina Ollie huwa fuq kollox membru tal-familja – kelb mimli mħabba, karattru u ferħ, li kuljum ikompli jisraq il-qlub ta’ kull min jiltaqa’ miegħu.”
Proċedura twila biex isifer bil-kelb
Hija mil-lewn id-dinja, li biex wieħed isifer bil-kelb irid jgħaddi minn proċedura li Roderick stess jgħidilna li hija waħda twila.
“Meta niġu biex insiefru bih, hemm proċedura ftit twila, iżda naħseb li hija importanti ħafna biex tiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-annimali.
L-ewwel nett irid isirlu passport għand il-veterinarju, il-kelb jrid jkollu microchip, jingħata t-tilqima kontra r-rabja (rabies), u qabel it-titjira jrid jerġa’ jżur il-veterinarju biex jagħmillu ċ-ċertifikat *Fit to Fly* fuq il-passaport,” jispjega sid Ollie.

Ikompli jgħidilna li “qabel ma nerġgħu lura Malta, irridu mmorru għand veterinarju fil-pajjiż fejn inkunu sabiex jerġa’ jagħtih iċ-ċertifikat *Fit to Fly*, kif ukoll jagħmillu d-deworming treatment skont ir-regolamenti. Xħin tigi biex tidħol Malta trid tavża l-awtoritajiet li dieħel fil-pajjiż hemm online form li tista’ timtela online.
Triq taqta’ biljett tal-ajru tal-kelb
Kull kelb, biex jivvjaġġa fuq ajruplan mhux biss għandu bżonn passaport, iżda wkoll trid taqtalu biljett daqslikieku hu uman. Nistaqsu lil Roderick ukoll dwar din il-proċedura fejn hu jgħidilna li “biex taqta’ t-titjira, l-ewwel trid iċċempel lil linja tal-ajru biex tivverifika jekk hemmx post disponibbli għal ‘pet in cabin.’

“Wara li taqta’ l-biljett tiegħek, trid terġa’ ċċempel biex iżiduh mar-riservazzjoni tiegħek. Hemm tariffa separata għat-titjira ‘l barra u oħra għar-ritorn. Sfortunatament, matul it-titjira jrid jibqa’ fil-basket taħt is-sedil ta’ quddiemek u ma jistax jinżamm fuq ħoġrok. Normalment ukoll il-piż massimu permess, inkluż il-basket, huwa ta’ 10 kilos.”
Dejjem nuża KM Malta Airlines
Sid il-kelb jgħidilna li kull meta sifru bil-kelb dejjem uża l-KM Malta Airlines u “nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjahom tal-għajnuna u l-professjonalità tagħhom. Kull darba li kellna bżonn xi informazzjoni jew assistenza, dejjem kienu ta’ għajnuna kbira.”
Lukandi u akkomodazzjoni oħra barra minn Malta
Għalhekk illum l-edukazzjoni dwar l-annimali u drittijiet tagħhom żdiedu sew, xorta waħda wieħed irid joqgħod attent fejn jibbukkja meta jkun se jsifer bil-kelb tiegħu. Għalhekk nistaqsu dwar dan ukoll lil Roderick.
Jgħidilna li meta jsifru dejjem iridu jsibu lukandi li huma pet friendy. Jistqarr li llum il-ġurnata l-maġġoranza tal-lukandi huma ta’ dan it-tip però dejjem trid tistqsi u anke jekk tkun pet friendy trid tara fejn tista’ tidħol u ma tidħolx bil-kelb fl-istess lukanda.
“Illum ħafna lukandi huma pet friendy u aktar minn hekk ħafa minnhom iġalluk tieħu l-kelb miegħek kważi f’kull parti tal-lukanda,” jgħidina Roderick filwaqt li jerġa’ jtenni li qabel ma ssifer bil-kelb dejjem għandek tagħmel l-affarijiet ċari ma’ tal-lukanda biex ma jkollox problemi meta tasal.
Fl-Italja b’mod partikolari l-klieb huma rispettati ħafna
“Irrid inkun ċar li kull pajjiż għandu r-regoli tiegħu dwar l-annimali, iżda fl-Italja l-klieb huma rispettati ħafna. Tista’ tgħid li huma stamti daqs in-nies… meta tmur fuq il-bajjiet, fir-ristoranti u fil-kafetteriji fl-Italja tinduna li dawn huma stamti b’rispett kbir daqslikienu persuni umani.
“Eżempju meta tidħol f’restoranti, qabel ma jippreżentawlek il-menu dejjem iġibu l-ilma għall-kelb. Bħal donna hija regola li l-ewwel jagħtu l-ilma lill-kelb…” jistqarr magħna Roderick f’intervista li għamilnilu.
Il-klieb f’Malta
Waqt li konna qegħdin nitkellmu ma’ Roderick nistaqsuh ukoll dwar pajjiżna. Jistqarr li f’Malta sar ħafna progress f’dawn l-aħħar snin, “iżda sfortunatament għad fadal triq x’nimxu…

“Xi kultant, f’ristorant il-klieb ma jiġux aċċetati, sfortunatament tisma’ aktar nies jgħajtu u jagħmlu storbju milli jagħmlu l-klieb tagħna. Dan għaliex il-klieb tagħna huma mħarrġa sew (well behaved u trained), jaf iġib ruħu sew u jirrispetta l-ambjent ta’ madwaru.
“Nemmen li b’aktar għarfien u edukazzjoni, nistgħu nagħmlu lil Malta aktar pet friendly, sabiex aktar familji jkunu jistgħu jgawdu l-esperjenzi tagħhom flimkien mal-annimali tagħhom.”
Paġna ta’ Ollie fuq il-midja soċjali
Għal Roderick u martu Kristy l-esperjenzi li jagħmlu mal-kelb tagħhom m’għandhomx jibqgħu maqfulin bejn l-erba’ ħitan tad-dar tagħhom.

Jixtieq li l-pubbliku jara fejn Ollie qiegħed jivvjaġġaw u anke “jimudella” għal mijiet ta’ ritratti li jeħdulu. Aktar minn hekk il-koppja Psaila tixtieq iżżid l-għarfien dwar kemm hu importanti li wieħed jivvjaġġaw bil-kelb tiegħu biex jinħolqu aktar memorji. Kien għalhekk li huma fetħu paġna fuq instagram bl-isem ta’ Ollie d Maltese Westie.

