Tuesday, April 22, 2025

“Onorat li nagħmel parti mill-GWU biex inkompli nibni fuq dak li sibt”

- Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Jurgen Azzopardi

Aqra wkoll

Min hu Jurgen Azzopardi?

Jurgen Azzopardi huwa żagħżugħ ta’ 26 sena mis-Siġġiewi, li riċentament għandi l-privileġġ li lħaqt Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni.

Jurgen bħalissa huwa l-iżgħar segretarju tat-taqsima fil-GWU. Il-vjaġġ tiegħek minn meta spiċċajt l-iskola…

Jien qbadt naħdem ta’ età żgħira, ta’ 16-il sena, filwaqt li kont komplejt xi studji part-time wara l-ħin. Fl-ewwel xogħol tiegħi servejt kemm bħala rappreżentant kif ukoll bħala shop steward. Eventwalment biddilt ix-xogħol u kont bqajt attiv fil-GWU, u wara ġejt elett bħala Segretarju tat-Taqsima taż-Żgħażagħ. Hawnhekk ħdimt biex inressqu aktar żgħażagħ, nagħtuhom aktar għarfien fuq it-trejdunjoniżmu. Sakemm riċentament ġejt elett bħala Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni.

X’wasslek? 

X’kienet il-ħajra tiegħek li tingħaqad f’unjin u aktar tard li ssir tagħmel parti minna?

Niftakar li minn età żgħira dejjem kont nara kif se nirranġaw is-sitwazzjoni li kellna fl-ewwel post tax-xogħol tiegħi. Niftakar li kien hemm xi issues pendenti. Kont dħalt bi ħġari flimkien mal-Kumitat u mas-Segretarju ta’ dak iż-żmien li kien jirrapreżentana, biex nirranġaw das-sitwazzjonijiet. Bis-saħħa ta’ ħidma kollettiva ġew irranġati u minn dak iż-żmien ‘l hawn bqajt niġi nvolut biex dejjem intejbu l-kundizzjonijiet u l-benefiċċji tal-ħaddiema li nirrapreżenta kif ukoll dak iż-żmien lill-kollegi tiegħi.

L-esperjenza tiegħek kemm ilek fil-GWU. X’iġiegħlek tħossok onorat li tagħmel parti minn din il-unjin?

Xi ħaġa li tagħtini sodisfazzjon kbir hija li nara li ntejjeb il-kundizzjonijiet u nġib aktar benefiċċji lill-membri tagħna. Dan is-sens ta’ privileġġ iva jonorani ħafna u qiegħed hawnhekk biex inkompli nibni fuq dan ix-xogħol. 

Liema huma l-aħjar kwalitajiet tiegħek?

Naħseb waħda mill-aħjar kwalitajiet tiegħi li tirrelata perfettament ma’ dan l-irwol huwa s-smiegħ. Huwa importanti li nagħtu biżżejjed opportunita lill-membri tagħna u aħna nisimgħuhom b’tali mod li nifhmu dak li jkunu għaddejin minnu.

X’tixtieq li joħroġ mill-kariga tiegħek f’din it-taqsima?

Xi ħaġa importanti li qed nara li toħroġ mill-irwol tiegħi bħala Segretarju f’din it-Taqsima hija li nkompli ntejjeb fuq dak li diġà kien hemm u nkompli ntejjeb il-benefiċċji u l-kundizzjonijiet u l-pagi tal-membri li jaqgħu taħt it-Taqsima tiegħi. Huwa importanti li flimkien mal-Kumitati rispettivi tal-kumpaniji nkomplu naħdmu u nisimgħu t-talbiet tal-membri tagħna.

Ġurnata tipika tiegħek…

Inħobb nisbaħ kmieni. Filgħodu l-ewwel ħaġa nipprova naġġorna ruħi, normalment onlajn biex nara l-ewwel aħbarijiet tal-ġurnata. Nirraporta għax-xogħol. Ħafna drabi jkolli l-ġurnata mimlija meetings, niltaqa’ mal-membri jew kumpaniji. Imbagħad filgħaxijiet forsi mmur jogging jew mixja jew nipprova nagħmel xi ftit attività fiżika biex nagħlaq il-ġurnata. Biex nipprova nlaħħaq ma’ kollox.

Il-GWU ilha tisħaq li kull ħaddiem għandu jingħaqad fi trejdunjin tal-għażla tiegħu hekk kif jaqbad jaħdem. Tinsisti li jkun hemm auto-enrollment. Għaliex?

Hija proposta tal-GWU li ħadmet ħafna fuqha. Hija sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tiegħek. Hemm l-għażla wkoll li tagħmel opt-out minn din is-sistema. Din qed tindirizza ħafna sfidi li għandna llum il-ġurnata. Biss biss insemmu li qed tagħti biżżejjed informazzjoni lill-membri tagħha dwar id-drittijiet tax-xogħol tagħhom, ikollhom rappreżentant mill-ewwel ġurnata tax-xogħol u nkunu qed nindirizzaw ħafna abbużi li nħolqu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport