Monday, December 9, 2024

“Opportunità oħra li nbiddlu pajjiżna għall-aħjar billi nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet”

Il-Ministru Attard jisħaq lid-diskussjoni ma kellhiex tiġġenera f’waħda partiġġjana

Aqra wkoll

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kompla fuq dak li qal il-Prim Ministru fejn sostna li diskussjoni ta’ dan it-tip ma’ kellha qed tiddeġenera f’azzjoni partiġġjana, intiża biss għal skop wieħed li tinfliġġi l-akbar ħsara politika possibbli lill-Gvern.

Rigward il-fatt li gvern Nazzjonalista qatt ma talab inkjesta Pubblika, il-Ministru Attard qal li agħar minn hekk bl-aktar mod vili jiġu xi wħud mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista u jgħidulek li r-raġuni hija għax taħthom ma kienx hemm bżonn li ssir ebda inkjesta pubblika.

Huwa rrefera għal din l-inkjesta pubblika bħala opportunità oħra ta’ kif bħala gvern se jkomplu jbiddlu pajjiżna għall-aħjar, jimmodernizzaw lil pajjiżna u jgħollu l-istandards biex fuq kollox joffru aktar serħan il-moħħ.

Quddiem l-istatement b’saħħtu tar-rapport tal-inkjesta li qalet li pajjiżna jrid jirkupra 50 sena f’dan is-settur il-Ministru Attard qal li huwa biss Gvern Laburista li bħalma wettaq riformi kbar f’oqsma oħra jista’ jasal ukoll f’dan is-settur.

Hawnhekk huwa għamel referenza għall-irkupru kbir ekonomiku minn sitwazzjoni ta’ staġnar, riformi kbar fl-ugwaljanza minn gvern Nazzjonalista li kien jippersegwita fil-Qorti lil dawk li ma xtaqux jibqgħu jgħixu f’gidba fejn jidħol il-ġeneru tagħhom, riformi kbar fejn tidħol is-Saltna tad-Dritt, riformi oħrajn li laħqu bilanċ bejn il-protezzjoni tal-inkwilin u d-dritt ta’ propjetà tas-sid u riforma tal-qbiela li assigurat futur għall-bdiewa tagħna fost l-oħrajn.

Il-Ministru kompla biex jgħid li mal-pubblikazzjoni tal-inkjesta tħabbru minnufih sett ta’ miżuri b’timelines fissi.

“Ġranet biss wara l-istess pubblikazzjoni, ħriġna sejħa għal Avukati u Periti li se jkunu qegħdin joffru servizz ġdid mingħajr ħlas lil dawk affettwati mis-settur tal-kostruzzjoni”, kompla biex jgħid il-Ministru.

Huwa kompla biex ifakkar li f’Ottubru tal-2004, wara l-inċident fatali li ħalla żewġ nisa bla ħajja f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru għall-Infrastruttura Ninu Zammit kien kwotat jgħid li liġijiet relatati mal-iżvilupp fosthom il-ħtieġa li proprjetajiet ikollhom faċilitajiet ta’ parkeġġi żiedet fit-tendenza ta’ aktar xogħlijiet ta’ skavar. Dakinhar il-Ministru Zammit kien tkellem dwar il-ħtieġa tal-liċenzja biex isiru dawn ix-xogħlijiet. Kompla biex jgħid li sa tliet snin wara, f’reazzjoni wara l-inċident fatali ta’ żewġ ħaddiema oħra li spiċċaw mgħaffġin minn saqaf li ċeda fil-Ħamrun kienu għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet biex jiġi finalizzat l-abbozz.

Filwaqt li saħaq li saħaq dwar l-importanza tal-ħajjiet u kif sa l-aħħar ġimgħat ddaħħlu emendi leġiżlattivi li jħarsu lill-ħaddiema f’siti ta’ kostruzzjoni bl-obbligu li dawn ikunu koperti b’polza tal-assigurazzjoni huwa rrefera għal statistika li turi li bejn l-2002 u l-2012 kien hemm aktar inċidenti fatali minn bejn l-2012 sal-lum.

“Il-Prim Ministru ħatar minnufih sotto-kumitat tal-Kabinett biex jazzjona minnufih l-implimentazzjoni tarrakkomandazzjonijiet u dan se nagħmluh billi nagħtu vuċi aktar b’saħħitha lin-nies, insaħħru l-qafas regolatorju u billi nsaħħu l-awtoritajiet u l-uffiċjali tagħhom biex noffru serħan il-moħħ”, temm jgħid il-Ministru Attard.

Ekonomija

Sport