Sunday, December 22, 2024

Opportunitajiet akbar għall-istudenti biex isiru social workers

Aqra wkoll

Il-Gvern qiegħed iħejji emendi legali bil-għan illi jippromwovi aktar il-qasam tax-xogħol soċjali u b’hekk iħajjar aktar studenti jidħlu għal din il-professjoni tant importanti f’pajjiżna.

Fil-fatt fil-jiem illi ġejjin, dawn l-emendi legali ser jitilgħu fi stadju ta’ kumitat fil-Parlament sabiex eventwalment jidħlu fis-seħħ, wara li jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra. Il-bidla ewlenija ser tkun dik illi anke studenti li jtemmu b’suċċess il-kors tas-Social Work fl-MCAST jingħataw l-istess kwalifika u warrant bħalma jingħataw studenti li temmew il-kors b’suċċess mill-Università ta’ Malta.

Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn stqarr li dan il-pass se jkun qed jikkonsolida din il-professjoni u jżid l-ingaġġ t’aktar ħaddiema soċjali.

Iktar minn hekk, il-Bord tas-Social Workers se jkollu l-fakultà illi jagħti warrants lil studenti bi kwalifiki oħrajn li ġejjin minn istituzzjonijiet oħra, u li huma ekwivalenti għall-kwalifiki tal-BA Hons.

Sal-lum student li ma jkollux il-BA Hons. mill-Università ta’ Malta ma kienx qed jingħata warrant sabiex ikun jista’ jibda jipprattika din il-professjoni. Għaldaqstant l-emendi li qed jipproponi l-Gvern se jwasslu biex kwalifiki t’istituzzjonijiet bħall-MCAST u oħrajn ikunu rikonoxxuti wkoll. Dan effettivament se jwassal lill-istudent sabiex jieħu l-warrant ta’ ħaddiem soċjali.

“Ser inkomplu nagħmlu l-almu tagħna sabiex inħeġġu aktar studenti jinvestu f’din il-professjoni. Infaħħar kampanja illi qed tagħmel il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, biex tħajjar aktar studenti jidħlu għal dan il-kors. Din hija karriera ta’ sodisfazzjon kbir u li tifrex it-triq għal setturi oħra fil-qasam soċjali,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport