Saturday, November 23, 2024

Ordnata ssegwi trattament għad-dipressjoni wara li saqet ġo karozza

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 22 sena residenti l-Mosta ġiet ordnata ssegwi trattament għad-dipressjoni wara li fil-Qorti ammettiet li kienet saqet għal ġo karozza ta’ mara u wara anke hedditha b’sikkina.

Hija kienet mixlija li fil-21 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet waqt li kienet f’Ħaż-Żebbuġ ikkaġunat ħsara f’karozza Mercedes, li saqet mingħajr kiċenzja tas-sewqan kif ukoll b’mod perikoluż. Hija lanqas kellha polża tal-assigutazzjoni. It-tfajla ġiet akkużata wkoll li kkkaġuna ġrieħi gravi lill-mara u li hedditha.

Il-Proesekuzzjoni qalet li t-tfajla saqet erba’ darbiet fil-karozza tal-vittma qabel ma bdiet theddidha b’sikkina. Il-vittma kienet marret tagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija fejn imbgħad l-akkużata ġiet arrestata. Skont dak li ntqal fil-Qorti, il-vittma hija omm ulied is-sieħeb tal-akkużata u li hemm relazzjoni negattiva bejniethom għalkemm jidher li dan kien inċident ta’ darba u ma reġgħax irrepeta ruħu.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Rachel Montebello qalet li t-tfajla kellha trobbija diffiċli u anke kienet tbati minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali sa minn età żgħira. Ġie nnutat ukoll li kellha problemi ta’ ansjetà minħabba r-relazzjoni diffiċli mal-vittma u l-pressjoni li din ħolqot fuqha.

Il-Maġistrat qalet li mill-provi mressqa, it-tfajla bdiet tbati minn dipressjoni wara t-twelid tat-tarbija li għandha mas-sieħeb tagħha u anke li fiż-żmien meta seħħ il-każ kienet diġà qed tingħata l-kura minħabba d-dipressjoni.

Il-Qorti qalet li t-tfajla kien iddispjaċiha għal dak li wettqet u kienet lesta terfa’ r-responsabbiltà u tibdel l-attitudni tagħha.

Il-Maġistrat wara li sabitha ħatja tal-akkużi poġġietha taħt ordni ta’ probation għal 3 snin u ordnatilha ssegwi trattament minn psikjatra u psikologu għall-istess perjodu. Il-Qorti ordnat ukoll li tittieħed il-liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar u anke ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal 3 snin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia waqt li l-Avukat Yanika Bugeja dehret għat-tfajla.

Sport