Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, jinsab f’Malta biex jattendi l-konferenza tal-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) li se tibda llum f’Ta’ Qali.
Dan huwa l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn pajjiż Ewropew minn Diċembru tal-2021 meta kien mar Stockholm fejn ukoll kien attenda għal konferenza tal-OSCE. Dan is-summit qiegħed juri l-fiduċja li hemm f’Malta li tista’ tkun il-pont tal-paċi u l-partijiet jerġgħu jibdew jitkellmu.
Din il-konferenza ta’ livell għoli hija ta’ importanza straordinarja hekk kif bħalissa għaddejjin diversi gwerer kif ukoll hemm instabbiltà minħabba konflitti u sitwazzjonijiet ġeopolitiċi straordinjarji. Fost l-inkwiet li dan il-Kunsill se jiffaċċja hija proprju l-Gwerra fl-Ukrajna u hawn, Lavrov se jkun fl-attenzjoni ta’ ħafna u skrutinat għal kull ma jgħid.
L-attendenza tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu kienet ikkonfermata minn Moska hija l-ewwel darba li ġie fl-Ewropaa minn mindu r-Russja bdiet l-operazzjoni speċjali fl-Ukrajna, operazzjoni li rriżultat fi gwerra b’alleati fuq iż-żewġ naħat. Il-Punent tul is-sentejn ta’ Gwerra fl-Ukrajna, b’mod speċjali l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, taw l-appoġġ tagħhom u fornew armi lid-difiża Ukrena.
Għaldaqstant, Lavrov fil-Konferenza tal-OSCE se jiffaċċja u jindirizza dak li r-Russja tqis bħala “għedewwa” jew “kollaboraturi tal-għadu”. Lavrov se jmexxi d-delegazzjoni Russa għas-summit f’Malta mtella’ bejn illum u għada minkejja li hemm sanzjonijiet Ewropej fil-konfront tiegħu li bdew lura fi Frar tal-2022.
L-Ukrajna hija wkoll membru tal-OSCE u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Andriy Sybiga wkoll ġie mistieden għall-konferenza f’Malta. Tajjeb li nfakkru li l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren ta’ dak iż-żmien, Dmytro Kuleba, ibbojkotja l-Kunsill Ministerjali tal-OSCE tas-sena l-oħra li sar fil-Maċedonja minħabba li kien attenda għaliha Lavrov.