Thursday, December 26, 2024

Ottubru 2024 kien it-tielet l-aktar xott fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku

Aqra wkoll

Jekk Ottubru tas-sena li għaddiet kien l-aktar wieħed xott fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, dak ta’ din is-sena ddeċieda li jħalli l-uċuħ tar-raba’ għatxana wkoll hekk kif kien it-tielet l-aktar wieħed xott. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 4.2 mm xita, jiġifieri 73.6 mm inqas min-norma klimatika. Matul Ottubru tal-2023, kienu tkejlu biss 0.2 mm xita.

71% tax-xita kollha li tkejlet matul ix-xahar li għadda (3.0 mm), niżlet kollha f’24 siegħa, lejn l-aħħar tax-xahar. Fl-istess perjodu, resqu lejn il-Gżejjer Maltin tliet maltempati bir-ragħad, jiġifieri żewġ maltempati inqas min-norma għal Ottubru.

Ottubru kien ukoll ftit iżjed ftit sħun min-norma klimatika, bit-temperatura medja (22.5°C) tkun kważi grad ogħla min-norma. L-ogħla temperatura tax-xahar tkejlet fid-9 ta’ Ottubru meta l-merkurju baqa’ tiela’ sa 29.9°C. L-aktar jum kiesaħ tax-xahar kien it-30 ta’ Ottubru, bit-temperatura tinżel sa 16.2°C matul il-lejl.

Ottubru tal-1999 jibqa’ x-xahar meta tkejlet l-ogħla temperatura (34.5°C) fl-għaxar xahar tas-sena, filwaqt li l-inqas temperatura (8.0°C) li tkejlet f’dan ix-xahar ġiet irreġistrata fl-1978.

It-temp sabiħ fil-maġġoranza tal-ġranet, għamlu x-xahar li għadda iżjed xemxi min-norma klimatika tant li matulu l-osservaturi tat-temp kejlu 227.3 siegħa xemxija. L-aktar jum xemxi kien l-ewwel wieħed tax-xahar (10.9 sigħat xemxin), filwaqt li inqas minn siegħa waħda xemxija kienet imkejla fid-19 ta’ Ottubru.

Il-qawwa tar-riħ kienet fl-istess livelli tan-norma klimatika. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha laħqet il-41 knot nhar id-19 t’Ottubru, u nefħet min-nofsinhar kwarta Lbiċ.

Ekonomija

Sport