Monday, December 9, 2024

18-il sena ħabs wara li nqabad b’73.6 kg kannabis 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena kien ikkundannat 18-il sena ħabs u mmultat €30,000 wara li ammetta minflok għadda ġuri li kellu fil-pussess tiegħu 73.6 kg kannabis li l-valur tagħha kien stmat bejn €736,000 u €2.2 miljun. 

Fabian Catania kien akkużat b’assoċjazzjoni għat-traffikar tad-droga kannabis, pussess aggravat tal-istess droga u li kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina. Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2018.

Mill-Att tal-Akkuża jirriżulta li l-akkużat kien ftiehem ma’ Tomislav Hegedus, biex jiltaqgħu ħdejn il-pompa tal-petrol ta’ Ħal Qormi u meta ltaqgħu ġie skambjat vann tal-għamla Isuzu. 

Intqal li dan il-vann intuża bħala l-mezz biex tinġarr l-għamara li fiha nstabet moħbija d-droga. Il-ftehim kien li wara li titgħabba l-għamara, l-akkużat kellu jħalli l-vann ipparkjat f’Santa Venera u jitlaq lura għal triqtu bil-vettura tiegħu. 

Skont l-akkużat, oriġinarjament, l-għamara kellha titgħabba minn Ħal Qormi bil-pjan jinbidel meta wara ċertu ħin jistenna Ħal Qormi, huwa ngħata struzzjonijiet mingħand Hegedus biex minflok imur jiġbor ix-xogħol minn Ta’ Qali.

Dejjem skont l-akkużat, din il-biċċa xogħol kienet diġà saret darba oħra bejniethom, fejn dik id-darba kien tħallas bejn €2,000 u €5,000. 

Kien proprju fit-30 ta’ Ġunju tal-2018 meta l-Pulizija wettqet sorveljanza f’Ħal Qormi u raw lil Hegeus isuq vann u jieqaf ħdejn karozza oħra li fiha kien hemm l-akkużat. Dan tal-aħħar daħal fil-vann u Hegedus telaq minn fuq il-post b’vettura oħra. 

Il-Pulizija baqgħet issegwi t-traġitt tal-vann sa Ta’ Qali, preċiżament ħdejn l-Ambaxxata Amerikana, u wara xi ħin baqa’ sejjer Santa Venera fejn hemmhekk twaqqaf mill-pulizija. 

L-għamara li nstabet fil-vann tant kienet f’kundizzjoni ħażina li kompliet tqanqal suspett li fiha kien hemm xi sustanza lleċita. Malli l-Pulizija interċettat il-vann, informat lill-Maġistrat Inkwerenti b’dan. 

Mit-tfittxija u l-analiżi li saret mill-uffiċjali tas-SOCO fuq l-imsemmi vann, kif ukoll fuq l-għamara li kienet fih, ġew elevati diversi pakketti li fihom deher li kien hemm sustanza li x’aktarx kienet ħaxixa tal-kannabis. 

Minn eżamijiet ulterjuri li saru mill-espert tal-Qorti fuq din is-sustanza, ġie kkonfermat li fil-fatt din kienet ħaxixa tal-kannabis fl-ammont ta’ 73.6 kg bil-purità ta’ madwar 6.5%.

Intant, waqt it-tfittxija fuq l-imsemmi vann, il-pulizija elevat ukoll pakkett tas-sigaretti li fih deher li kien hemm xi sustanza bajda suspettata droga kokaina bl-akkużat jikkonferma li kienet tiegħu. Irriżulta li din is-sustanza fil-fatt kienet kokaina, madwar 0.25g. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras qieset in-natura tad-droga involuta u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, jiġifieri li ftiehem ma’ terza persua sabiex iġorr u kellu fil-pussess tiegħu ammont sostanzjali ta’ pjanta tal-kannabis.

Il-Qorti qalet li fid-dawl tal-ammissjoni reġistrata mill-akkużat, tqis li kellha taderixxi mat-talba konġunta magħmula mill-partijiet. Kien għalhekk li kkundannat lill-akkużat 18-il sena priġunerija effettiva flimkien ma’ multa ta’ €30,000. 

Catania kien ordnat ukoll iħallas €3,381 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti li tqabbdu b’rabta mal-każ. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport