Sunday, December 22, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Budget b’sensittività lejn l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg sejħet il-Budget 2025 bħala wieħed mill-aktar Budgets li fih miżuri favur l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali.

F’konferenza tal-aħbarijiet hija tkellmet dwar it-tneħħija għalkollox tat-taxxa tal-VAT minn fuq il-prodotti sanitarji u lbies speċjali li jintuża min-nisa li jkunu ħadu t-trattament għal kanċer tas-sider.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li t-tneħħija tat-taxxa minn fuq dawn il-prodotti essenzjali hija soċjalment ġusta għaliex dawn huma essenzjali għas-saħħa u l-iġjene tal-mara.

Hija żiedet tgħid li din il-miżura flimkien ma’ oħrajn li tħabbru fil-Budget saħansitra jmorru lil hinn mill-proposta fil-manifest elettorali fejn kien ġie mwiegħed li tonqos it-taxxa tal-VAT fuq dawn il-prodotti u issa minflok ser ikollna 0% VAT.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li bit-tneħħija tal-VAT, il-mara ser tiffranka eluf ta’ ewro f’taxxa għaliex bħala medja n-nisa jużaw mal-20,000 prodott minn dawn għal madwar 40 sena tul il-period.

Din il-miżura tikkumplimenta inizjattiva oħra f’dan il-qasam li beda jimplimenta l-Gvern din is-sena bi proġett pilota fl-iskejjel li bih qegħdin nipprovdu mingħajr ħlas il-prodotti menstruwali lill-istudenti bniet.

“Bl-istess impenn għal pajjiż ta’ kwalità, il-Budget alloka l-fondi meħtieġa għat-twettiq ta’ diversi miżuri li joħorġu fost oħrajn mill-istrateġiji nazzjonali dwar l-ugwaljanza, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-prevenzjoni tat-traffikar uman,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Ekonomija

Sport