Sunday, October 27, 2024

Parkeġġ ta’ vann tal-elettriku u l-wires biex jiċċarġjawh ma jlaħħqux

…Is-Sindku allegatament webbes rasu minkejja parir li ngħata

Aqra wkoll

Is-Sindku tal-Lokalità tal-Fontana Saviour Borg kien ħabbar fl-1 ta’ Marzu li għadda fuq il-midja soċjali li l-Kunsill kien xtara vann li jaħdem bl-elettriku li ġie jiswa madwar €50,000.

L-għan li għaliħ kien inxtara dan il-vann kien li jintuża biex joffri servizzi ta’ aċċessibilità u mobilità għall-benefiċċju ta’ persuni anzjani u persuni oħrajn fil-komunità.

Però dwar din il-vann qamet kontroversja fil-Kunsill Lokali tal-Fontana dwar fejn se jiġi pparkjat.

Is-Sindku ried li dan il-vann jiġi pparkjat f’parkeġġ riservat faċċata tal-Kunsill, iżda persuni qrib tiegħu saħqu miegħu li jekk se jipparkjah hemm, il-wires mhux se jlaħħqu biex jiċċarġjah.

Sorsi qrib il-Kunsill Lokali tal-Fontana qalu lil talk.mt li minkejja kull parir, is-Sindku baqa’ jinsisti u l-istess sorsi qalu li talab permess lil Transport Malta biex isir parkeġġ riservat faċċata tal-binja tal-kunsill kif fil-fatt sar.

L-istess sorsi qal li hekk kif kellhom bżonn jiċċarġjaw il-vann, ġie nnutat li fil-verità l-wires ma jlaħħqux bil-konsegwenza li l-vann kellu xorta waħda jiġi pparkjat quddiem il-bieb tal-kunsill fejn ma hemmx parkeġġ riservat.

Minkejja dan xorta waħda s-Sindku allegatament ma jridx ineħħi jew ibiddel il-parkeġġ riservat li għamel u jpoġġih f’post fejn il-wires ikunu jistgħu jlaħħqu biex il-vann jiġi ċċarġjat mingħajr problemi.

Dan is-sit għamel kuntatt mas-Sindku Saviour Borg biex jieħu r-reazzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni. Borg qalilna li l-Kunsill għandu dritt li jagħmel parkeġġ riservat fejn irid u għal parkeġġ tal-vann għandu l-permessi kollha minn Transport Malta.

Is-Sindku qalilna wkoll li d-deċiżjoni fejn isir il-parkeġġ kienet unanima bejn il-kunsilliera kollha u sar hemm minħabba li xi żmien ilu kienet inħarqet karozza fl-istess triq u issa fejn qiegħed il-parkeġġ, mill-Kunsill ikunu jistgħu jżommuh taħt osservazzjoni.

Meta ġie mistoqsi kif se jkun qed jiċċarġja l-vann jekk il-wires ma jlaħħqux qalilna li hu jista’ jipparkja l-vann quddiem il-Kunsill u jiċċarġjaħ hemm jew inkella jista’ jmur bih fid-diversi fiċ-charging points li ġew installati mill-Gvern.

Sport