Francisco Javier Martin Diaz ammetta li ttraffika, importa u kellu fil-pussess tiegħu cannabis għall-finijiet tat-traffikar bħala parti minn ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Huwa ġie mmultat ukoll €20,000 u ġie ordnat jitlef il-proprjetà marbuta mar-reati.
Spanjol ta’ 65 sena ġie kkundannat 12-il sena ħabs effettiv wara li ammetta li assoċja ruħu ma’ persuni oħra f’Malta u barra minn Malta biex jittraffika l-cannabis, kif ukoll li importa jew ikkawża l-importazzjoni tagħha lejn Malta. Huwa kien akkużat ukoll li kellu cannabis fil-pussess tiegħu f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Francisco Javier Martin Diaz ammetta l-akkużi quddiem il-Qorti Kriminali fir-rigward ta’ reati mwettqa fl-14 ta’ Jannar 2024.
Huwa kien tressaq il-Qorti l-għada tal-arrest tiegħu. Dak iż-żmien, il-prosekuzzjoni kienet spjegat li uffiċjali tad-Dwana sabu żewġ bagalji mimlija bil-cannabis. waqt spezzjonijiet fuq passiġġieri li kienu għadhom kif waslu Malta b’titjira minn Liżbona,
Ir-raġel twaqqaf wara li nstabu 21 kilogramma ta’ sustanza suspettata li kienet cannabis fil-bagalji tiegħu . Sussegwentement, uffiċjali tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestawh u ħaduh fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat.
Diaz irreġistra l-ammissjoni tiegħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fis-6 ta’ Lulju 2026. Huwa reġa’ kkonferma din l-ammissjoni quddiem il-Qorti Kriminali nhar l-Erbgħa.
Il-Qorti ġiet infurmata li Diaz kien laħaq ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar il-piena. Wara li ngħata aktar ħin biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu, huwa kkonferma li xtaq iżomm l-ammissjoni tiegħu.
Il-Qorti rrimarkat li l-ammissjoni ta’ Diaz ma setgħetx titqies bħala waħda bikrija, peress li kienu għaddew kważi sentejn wara li twettqu r-reati. Barra minn hekk, kienu diġa nstemgħu ammont sostanzjali ta’ provi, diversi esperti tal-Qorti kienu lestew il-ħidma tagħhom u wara li l-kumpilazzjoni tal-provi kienet diġà ntemmet.
Madankollu, il-Qorti nnutat li l-partijiet kienu qablu b’mod konġunt dwar il-piena permezz tal-ftehim u li l-parte civile kienet ukoll esprimiet is-sodisfazzjon tagħha bil-piena proposta.
Filwaqt li laqgħet it-talba konġunta, il-Qorti sabet lil Diaz ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess u kkundannatu għal 12-il sena ħabs effettiv u multa ta’ €20,000. Diaz ġie ordnat ukoll iħallas €4,943.07 fi spejjeż tal-esperti li ntefqu matul il-proċeduri. Jekk dawn l-ispejjeż ma jitħallsux fi żmien sena, jistgħu jiġu kkonvertiti għal terminu ta’ priġunerija.
Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ kull oġġett marbut mar-reati, kif ukoll il-konfiska ta’ kwalunkwe qligħ miksub mir-reati u ta’ kull proprjetà mobbli jew immobbli li tappartjeni lil Diaz jew tkun taħt il-kontroll tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi tal-Pulizija Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard. Diaz kien assistit mill-avukat Noel Bianco. Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
