Sunday, November 24, 2024

Piccinino jiċħad li kien jaf li MPs tal-PN jistgħu jkunu involuti fl-allegat abbuż tal-benefiċċji soċjali

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino ċaħad li huwa kellu xamma tal-allegat abbuż fil-benefiċċji soċjali. Piccinino rrikorra għall-mezzi soċjali f’reazzjoni għal artiklu ppubblikat fuq il-Maltatoday fejn ingħad li l-Partit Nazzjonalista kien jaf b’dan l-allegat abbuż iżda baqa’ sieket għal ġimgħat sħaħ.

Il-gazzetta allegat ukoll li l-possibbiltà tal-involviment tal-membri parlamentari tagħha wasslet biex il-Partit Nazzjonalista baqa’ sieket għal madwar seba’ ġimgħat minkejja li kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet.

L-istess gazzetta kkwotat sorsi fi ħdan il-grupp parlamentari tal-partit nazzjonalista li allegaw li waqt il-laqgħa tal-Ħamis li għadda fil-Kwartieri tal-partit Nazzjonalista l-membru parlamentari Ivan Bartolo żvela li hu kien għadda informazzjoni lil Piccinino b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet. Jidher li meta kkuntattjat mill-gazzetta Bartolo kkonferma li huwa ressaq din il-kwistjoni fil-laqgħa tal-Ħamis iżda rrifjuta li jikkummenta aktar.

Piccino fir-reazzjoni tiegħu qal li qatt ma kellu xamma li jista’ jkun hemm kwalunkwe persuna mill-partit nazzjonalista li b’xi mod huwa involut f’dan l-allegat każ.  

Huwa temm jappella biex jekk xi ħadd għandu xi allegazzjoni fondata jew prova dwar nies involuti f’dan il-każ, imur immedjatament għand il-pulizija issa stess u “mhux joqgħod jilgħab logħob partiġġjan”.

Sport