Tuesday, May 14, 2024

“Piloti jirrapportaw sick … minn 25 wieġbu tnejn biss u rrifjutaw li jidħlu”

Il-Ministru Clyde Caruana jitkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta

Aqra wkoll

Fil-ħin tal-misoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta u l-iżviluppi li kien hemm f’dan ir-rigward. Huwa kkonferma li fil-ġimgħat li għaddew, bħala Ministeru għaddew id-dokumentazzjoni kollha, fosthom il-business plan kif mitlub, lill-Kummissjoni Ewropea. Qal ukoll li fil-ġimgħat li għaddej, in-nies tekniċi kellhom ukoll diversi laqgħat biex jiġu ċċarati aktar affarijiet f’dan is-sens.

Filwaqt li għaddejjin b’dawn in-negozjati ma’ Brussell, il-Ministru Caruana qal ukoll li għaddejjin b’diskussjonijet mal-piloti u l-cabin biex ikun assigurat li t-triq ‘il quddiem għal-linja nazzjonali tal-ajru tkun waħda sostenibbli u kif suppost. 

Qal li jinsab infurmat illi fi tmiem il-ġimgħa li għadda kien hemm laqgħat tal-ALPA mal-membri tagħha, u li fihom ġie deċiż, minn kif qalulu ċertu sorsi mingħajr ma jkun hemm xejn bil-miktub, li l-piloti kellhom jaħdmu work-to-rule. Saħaq li ma hemm l-ebda tilwima industrija u li ma kien hemm l-ebda notifika lill-maniġment.

“Imma llum it-Tnejn irrapportaw sick minn tal-inqas bejn tlieta jew erba’ piloti. Il-kumpanija ċemplet lil 25 pilota u ħadd minnhom ħlief tnejn ma rrispondew it-telephone u li qalu kienu ‘mhux se niġi nkella l-unjin teħodha kontrina’”.

Tenna li dan mhuwiex il-mod ta’ kif għandhom jitmexxew l-affarijiet proprju fi żmien delikat bħal dan. Qal li min-naħa tiegħu, vis-a-vis l-ALPA, żgur li ma jistgħux jgħidu li qatt irrifjuta li jiltaqa’ magħhom tant li ilu jiddiskuti issa għal aktar minn sena. 

“Irrid ngħid li f’dak kollu li ilna nitkellmu u niddiskutu, il-partijiet qablu u mxew fuq ħafna affarijiet però dejjem tennejtilhom li fl-aħħar mill-aħħar jekk in-numri jgħidulna mod, irridu nimxu fuq in-numri. Irrid nara li f’dak li jiġi adottat u attwatt, irid ikun responsabbli, finanzjarjament jagħmel sens u huwa fuq l-istess linja li nkunu bagħatna lil Brussell,” żied jgħid il-Ministru Caruana.

Huwa nnota kif titjira ta’ Brussell kienet għadha ma taritx għaliex il-kumpanija għadha ddur biex tara min se jirrispondi t-telephone. “Ma naħsibx li din hi attitudni serja u responsabbli fejn għaliex ma naqblux, nipprovaw żgur nagħmlu l-pressjoni nużaw lin-nies sabiex b’xi mod jew ieħor noqorsu kemm jista’ jkun lill-Gvern.

“Naħseb li din hija attitudni rresponsabbli u hi parti mill-attitudni li wasslet lill-kumpanija sabiex tinsab fejn qiegħda llum,” temm jgħid il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol.

Sport