Dan is-sit huwa magħruf sew għar-rikonoxximent tiegħu lejn dawk il-persuni kollha li jagħtu servizz, kull tip ta’ servizz li permezz tiegħu jkunu qegħdin jgħinu biex ikollna soċjetà aħjar.
F’ritratt miġbud riċentament, il-Kuntistabbli Samantha Tabone ntlemħet twettaq ġest mill-isbaħ li jikkonferma kemm taħt l-uniformi hemm persuni b’karattru msawwar biex jgħin f’sitwazzjonijiet varji li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Filwaqt li t-tim mediku kien qiegħed jeżamina lill-bqija tat-tfal wara l-inċident tat-traffiku li seħħ wara l-ħin tal-iskola fl-Imsida, Tabone kienet qiegħda tindokra uħud mit-tfal u tgħinhom iżommu kalmi wara li ftit qabel il-vann li kienu fih għal xi raġuni spiċċa f’ħajt.
Għalkemm kien hemm żewġt ibniet li ttieħdu l-Isptar wara dan l-inċident, aktar tard irriżulta li kienu sofrew biss minn ġrieħi ħfief.
Intant persuni li kkummentaw dwar dan l-inċident u li qalu li nzertaw fil-post tal-inċident kellhom kliem ta’ tifħir għat-tim kollu inklużi dawk mediċi, pulizija, uffiċjali ta’ Transport Malta u anke xi persuni li waqfu biex jagħtu l-assistenza. Huma qalu li s-sitwazzjoni kienet ikkontrollata b’mod verament professjonali anke minħabba l-fatt li kienu qegħdin jitrattaw ma’ tfal li r-reazzjoni tagħhom setgħet tvarja wara inċident simili.