Saturday, November 23, 2024

Premier League: Hibernians v Sliema Wanderers tisraq ix-xena

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Minħabba l-impenji tat-team nazzjonali Malti fil-UEFA Nations League, fis-7 u fl-10 ta’ Settembru meta jilgħab kontra l-Moldova u Andorra rispettivament, il-Premier League se jintlagħab illum u għada minflok fi tmiem il-ġimgħa li ġej, bl-aktar partita interessanti tkun dik bejn iż-żewġ timijiet li qed jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika, Hibernians u Sliema Wanderers. 

Hamrun Spartans jaffrontaw lit-team rivelaz­zjoni, Melita, filwaqt li Birkirkara jiffaċċjaw lil Marsaxlokk li huma l-aktar li ddiżappuntaw s’issa hekk kif jinsabu mingħajr l-ebda punt.

Iż-żewġ timijiet l-oħra li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti huma Zabbar St Patrick u Mosta li jiltaqgħu kontra Floriana u Gzira United rispettivament.

Fil-partita l-oħra, Nax­xar Lions jilagħbu kontra Balzan li kisbu punt wieħed biss minn żewġ par­titi. 

Hibernians v Sliema W. – Dan il-konfront huwa l-aqwa wieħed tat-tielet ġurnata u hija ħasra li se jintlagħab, għada fit-8.15 pm, minħabba li se jkun nieqes mill-partitarji rispettivi minħabba li fil-kultura tagħna, partita li tintlagħab matul il-ġimgħa ma tantx tattira spettaturi hekk  kif l-għada n-nies ikunu jridu jqumu għax-xogħol.

Intant, din hija partita bejn iż-żewġ timijiet li s’issa kellhom l-aħjar pres­tazzjonijiet.

Filwaqt li rebħu ż-żewġ partiti preċedenti u skor­jaw l-istess ammont ta’ goals, id-differenza hija fil-goals li sofrew hekk kif ix-xibka tal-Wanderers hija intatta iżda l-Pawlisti qalgħu goal wieħed.

U fl-aħħar ħarġa kisbu rebħa tajba meta għelbu lil Gzira United u lil Balzan bl-iskor identiku ta’ 2-0.

Il-Wanderers se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Geoffrey Acheampong li kien sospiż fl-aħħar partita.

Hamrun S. v Melita – Din hija partita delikata għal Hamrun Spartans hekk kif se jilagħbu kontra t-team promoss ta’ Melita.

Il-Ġiljaniżi, fil-modesta tagħhom ma għandhom l-ebda pressjoni u se jinżlu għal dan il-konfront b’mo­ral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk … bil-protago­nista tagħhom ikun l-attakkant Brażiljan, Andre Carlos Penha Da Costa, li qed iħalli l-marka tiegħu fil-logħba domestika.

Huwa skorja ż-żewġ goals kontra x-Xlukkajri u l-Ħamruniżi jridu jagħrfu kif se jwaqqfu lil din l-arma letali ta’ Melita.

S’issa huwa skorja tliet goals, wieħed inqas minn Maxuell Maia ta’ Birkirkara. Iżda filwaqt li dan tal-aħħar skorja tliet goals mill-11-il metru, Penha Da Costa skorja l-goals tiegħu minn logħob miftuħ.

Min-naħa tagħhom, l-Ispartans iridu jinsew l-aħħar wirja minħabba li b’superjoritá numerika għal aktar minn nofs siegħa setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Floriana.

Huma jittamaw li Steve Borg jirritorna fl-azzjoni minħabba li fl-aħħar ħarġa kien nieqes minħabba injury. 

Birkirkara v Marsaxlokk – Birkirkara jaffrontaw lil Marsaxlokk fejn jimmiraw li jiksbu t-tliet punti wara żewġ telfiet – kontra Gzira United (1-0) u Melita (2-1) f’liema partiti fuq il-karta kienu l-favo­riti.

Wieħed irid jistqarr ukoll li forsi l-fortuna abbandunathom, speċjlament kontra Melita meta ġew imċaħħda darbtejn mil-lasta.

Il-pressjoni tinsab kol­lha fuq ix-Xlukkajri għax xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħ­hom.

Fuq dak li rajna fl-ista­ġun li għadda, l-aspettattivi tagħhom huma l-isfida għar-rebħ tat-titlu. Peró, għadna fil-bidu tal-istaġun u għalkemm jistgħu jir­kupraw dan id-defiċit.

Birkirkara ġejjin minn rebħa diffiċli ta’ 1-0 fuq it-team promoss ta’ Zabbar St Patrick, bl-uniku goal jasal permezz ta’ penalty. U jekk iridu jiksbu t-tliet punti  f’dan il-konfront, iridu jgħollu l-logħba tagħhom.

Zabbar SP v Floriana – Zabbar St Patrick jiltaqgħu kontra Floriana li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Hamrun Spartans

Minkejja li ż-Żabba­rin tilfu ż-żewġ partiti tagħ­hom, huma xorta waħda kienu sfida denja u f’din il-partita jistgħu japprofittaw mill-”għejja” tal-players Furjaniżi meta taw kollox wara li tkeċċielhom Mattia Veselji, fl-54 minuta … bl-akbar sorpriża tkun li saret sostituzzjoni waħda biss … u b’bosta minnhom isofru minn bugħawwieġ.  

Gzira U. v Mosta – Din hija partita bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa – Gzira kontra Hiber­nians (2-0) u Mosta kontra l-ġirien Naxxar Lions (2-1).

Hija prijoritá għall-Mostin li jirbħu dan il-konfront għax inkella jibdew jiddistakkaw lilhom infus­hom u jibqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika bil-biżgħa li jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni.

Mosta jkollhom lura lill- goalkeeper, David Udoh Akpan, minn sospensjoni.

Balzan v Naxxar L. – Dawn iż-żewġ timijiet kellhom fortuni differenti fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Filwaqt li n-Naxxarin ħarġu rebbieħa fuq il-Mostin, Balzan sfaw megħluba minn Sliema bl-iskor ta’ 2-0.

Din għandha tkun partita miftuħa għal kull riżultat  bil-pressjoni tkun kollha fuq il-Balzanin meta għandhom punt wieħed biss.

Sport