Saturday, June 27, 2026

Probation għal ġuvni li ammetta li weġġa’ gravi  lil sid ta’ bar waqt ġlieda fin-Nadur

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 19-il sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn. Dan wara li ammetta li kkawża ġrieħi gravi lil sid ta’ bar fil-pjazza ewlenija tan-Nadur, waqt ġlieda li fiha kien hemm involuti madwar 20 persuna.

Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tal-24 ta’ Lulju 2025, meta nqalgħet kommossjoni barra bar fi Pjazza San Pietru u San Pawl. Il-ġlieda bdiet ġewwa l-bar wara argument bejn żewġ nisa.

Sid il-bar ipprova jintervjeni biex jikkalma l-affarijiet. Madankollu, fil-konfużjoni li nqalgħet, huwa tfixkel f’siġġu u waqa’ mal-art, fejn bi żball ġibed lil waħda min-nisa miegħu.

Raġel li kien fil-viċin ħaseb li s-sid tal-bar kien qed jattakka lill-mara u mbuttah mal-faċċata tal-bar, b’konsegwenza spiċċa kisser ħġieġa bi spalltu. Ftit mumenti wara, l-iben żgħażugħ ir-raġel avviċina lis-sid tal-bar u tah żewġ daqqiet ta’ ponn f’wiċċu, u laqtu fuq għajnu tax-xellug.

Ir-raġel ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn it-tobba ċċertifikaw li kien sofra ġrieħi gravi. Iż-żagħżugħ ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi. 

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, rat li l-akkużat kellu kondotta kriminali nadifa u li kien ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri. Il-Qorti sabitu ħati u poġġietu taħt ordni ta’ probation għal sentejn.

Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma u l-familja tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci u l-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Tilden Tabone.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport