L-awtoritajiet Franċiżi ħabbru projbizzjonijiet fuq il-konsum u l-bejgħ ta xorb alkoħoliku fil-punnlikun f’Pariġi, fi sforz biex itaffu l-pressjoni li qed dejjem tikber fuq l-isptarijiet tal-belt kapitali matul il-mewġa tas-sħana ta bħalissa li laqtet il-kontinent Ewropew.
Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ u l-konsum tal-alkoħol fil-pubbliku se jkunu fis-seħħ mis-6.00 ta filgħaxija tal-Ġimgħa sas-7:00 ta filgħodu tas-Sibt. Dawn il-miżuri se jkunu fis-seħħ ukoll matul l-istess ħinijiet mis-Sibt sal-Ħadd. Il-bars u r-ristoranti liċenzjati huma eżentati mir-restrizzjonijiet.
Il-kundizzjonijiet tal-mewġa tas-sħana li laqtet lil Spanja, ir-Renju Unit u Franza għal jiem sħaħ mistennija jinbidlu u jersqu lejn il-lvant, bit-tbassir tat-temp fil-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka jwissu dwar kundizzjonijiet estremi.
It-temperaturi fil-Ġermanja kienu mistennija jilħqu l-40C madwar il-pajjiż. Twissija ta’ temp estrem issa hija fis-seħħ ukoll f’ħafna miż-żoni tar-Repubblika Ċeka.
Il-kap tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tibdil fil-klima, Simon Stiell, qal li l-mewġa tas-sħana selvaġġa li qed taħkem fl-Ewropa għandha l-marki tal-kriżi klimatika kollha kemm hi u appella għal bidla aktar mgħaġġla lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-protezzjoni tal-foresti u t-tisħiħ tar-reżiljenza għall-klima.
Wara li Franza rreġistrat l-aktar jum sħun tagħha nhar l-Erbgħa għat-tieni jum konsekuttiv, ir-rekords qed ikomplu jinkisru. Météo-France qalet li t-temperatura minima medja laħqet it-22C nhar l-Erbgħa filgħaxija.
Wara jiem ta’ temperaturi rekord fi Franza, l-uffiċjali wissew lin-nies biex jaġġustaw l-imġieba tagħhom, bil-Ministru tas-Saħħa Stéphanie Rist tgħid li t-temperaturi għoljin huma ta riskju għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-anzjani.
Sadanittant, tifel ta’ tliet snin instab mejjet f’karozza fir-reġjun ta’ Pariġi, jiem wara li żewġt itfal żgħar instabu mejtin fil-karozza tal-familja fil-belt ta’ Carpentras, fin-nofsinhar tal-pajjiż.
L-unjins tal-għalliema Franċiżi qed isejħu għal strajk b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol inaċċettabbli fis-sħana. Huma lmentaw li minkejja li talbu biex jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni b’danakollu baqa ma sar xejn u s-saħħa tal-istaff, l-istudenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom qed jiġu pperikolati.
Tliet impjanti nukleari fi Franza ma baqgħux jaħdmu minħabba s-sħana filwaqt li xi reġjuni tal-punent issa qed iħejju ruħhom għal maltempati kbar bir-ragħad mill-Ħamis wara nofsinhar ’il quddiem.

