Tuesday, December 24, 2024

“Proġett li għandu l-għan li jsaħħaħ il-vuċi tat-tfal”

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon

Aqra wkoll

Proġett li ssottometiet Malta ntgħażel bħala wieħed minn għaxar proġetti fost total ta’ 138 proġett sottomessi minn numru ta’ stati membri Ewropej. B’hekk Malta kisbet għotja li tlaħħaq il-€155,000 u li permezz tagħha, se jiġu faċilitati diversi strutturi fejn it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw, isemmgħu l-vuċi tagħhom, u jiddeċiedu f’isimhom dwar sitwazzjonijiet illi jaffetwaw lilhom b’mod personali.

Eventwalment, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu inklużi fil-politika nazzjonali tal-pajjiż, speċjalment f’politiki li jolqtu lit-tfal, bħall-ambjent, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fejn matulha ngħatat preżentazzjoni dettaljata ta’ dan il-proġett li se jkompli jagħti aktar spazju u vuċi lil kull tifel u tifla.

“Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’aktar empowerment lit-tfal tagħna, sa minn etajiet żgħar. Irridu ntuhom is-saħħa neċessarja sabiex ikunu assertivi u kapaċi jiddeċiedu anke f’sitwazzjonijiet delikati. Il-proġett għandu jservi sabiex jikkumplimenta mal-ħidma li għamilna sabiex insaħħu l-vuċi tat-tfal u npoġġuhom fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jaffettwahom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Fil-fatt, dan il-proġett huwa punt ewlieni mit-temi soċjali li dwarhom tħejjiet il-Viżjoni Soċjali 2035, u li tesiġi sabiex inħallu wirt u ambjent pożittiv lit-tfal tagħna fejn ikollhom iċ-ċans jimirħu u jesploraw opportunitajiet ġodda.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu li nkisbu fondi għalih taħt il-programm “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri”. Chris Bonett qal li dan il-proġett jagħti l-għodda lit-tfal biex isemmgħu leħinhom fid-demokrazija ta’ pajjiżna u fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’dawk l-oqsma li jolqtu lilhom.

Qal ukoll li bħalissa qegħdin fi żmien fejn l-opportunitajiet li ngawdu mill-fondi Ewropej se jiżdiedu, mhux jonqsu, hekk kif fil-jiem li ġejjin se nkunu qegħdin inniedu l-Programmi Operattivi marbuta mal-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej biex ninvestu l-fondi fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Ekonomija

Sport