Wednesday, April 24, 2024

Qbil biex ir-rapport ta’ Hyzler dwar Justyne Caruana jiġi ppubblikat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika ntlaħaq qbil biex ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar il-każ tal-Ministru Justyne Caruana jiġi ppubblikat.

Kemm il-membri tal-Gvern kif ukoll il-membri tal-Oppożizzjoni qablu li r-rapport li sab ksur ta’ etika min-naħa ta’ Caruana b’rabta mal-kuntratt mogħti lil Daniel Bogdanovic, ikun ippubblikat minnufih. 

Fil-bidu tas-seduta, il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield esprima d-diżappunt tiegħu li għal darba oħra, b’nuqqas ta’ rispett, id-dokumenti li jersqu quddiem il-Kumitat qed jiġu llikjati lill-midja. “Il-kontenut tar-rapport diġà ħafna minnu huwa pubbliku,” qal Bedingfield.

Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia saħqet li r-rapport għandu jiġi ppubblikat kollu inkluż il-volumi ta’ dokumentazzjoni li ġabar il-Kummissarju. 

Hawn qam battibekk bejn iż-żewġ naħat, bil-membri tal-Gvern joġġezzjonaw minħabba li kien hemm ċertu dettalji personali li ma kellhomx jiġu mxandra. Il-Kumitat eventwalment qabel li kellha titneħħa parti mill-evidenza mogħtija. 

Issa jmiss li dan ir-rapport jiġi diskuss fil-Kumitat fejn mistenni jkun preżenti wkoll il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler.

Sport