“Aħna ħassejna li dak li kien ħoloq Jake, il-mixja u s-siġra ta’ Mater Dei flimkien ma’ Dott. Lydia, iddeċidejna li nibqgħu nagħmluhom. Iddeċidejna li nerġgħu nagħmlu l-mixja għax minnha jibbenifikaw ħafna annimali fis-santwarju tal-AAA. Din is-sena reġgħet ġiet armata s-siġra b’deċiżjoni ta’ Dott. Lydia fl-entratura ta’ Mater Dei, fejn ikunu qed igawdu s-santwarji kollha ta’ Malta u Għawdex. Qegħdin nippruvaw li l-affarijiet li kien jagħmel Jake, inżommu l-memorja tiegħu. Ovvjament għax kien jagħmel ħafna affarijiet ta’ ġid”.
Dan kien il-kumment li ta Josie Vella, missier il-mibki Jake Vella lil dan is-sit, hekk kif minkejja l-vojt li ħalla dan iż-żagħżugħ, saret xorta waħda l-mixja li kien jagħmel ta’ kull sena Jake quddiem l-Isptar Mater Dei b’risq l-annimali abbandunati.
Jake se jibqa’ mfakkar
Lil missier Jake kellimnih ukoll fuq il-fatt li Jake, wara mewtu, ġie rikonoxxut b’midalja tal-Qadi tar-Repubblika. Jake Vellase jibqa’ mfakkar għad-determinazzjoni u l-altruwiżmu li wera tul ħajtu. Minkejja l-kundizzjoni rari li kellu tar-ROHAD, din ma waqqfitux milli jgħin lil ħaddieħor u jqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni newroloġika rari.Dwar dan, Vella beda biex qal li huwa u martu jinsabu kburin li binhom ħa dan it-titlu wara mewtu. Spejga li minkejja li t-tifel tagħhom kien għadu żgħir fl-età, dan irnexxielu jħalli impatt fuq il-pajjiż u fuq diversi individwi.
Meta mistoqsi x’messaġġ jixtieq iwassal lill-pubbliku hemm barra, huwa qal li, “għożżu lil uliedkom. Tabbanduhomx. Għalkemm ġieli jkun hemm deċiżjonijiet li mhumiex faċli fil-familja… speċjalment meta jkun hemm familji separati”.
“Ibni tana ħafna iżjed milli tajnih aħna”
Irrimarka kif huwa, martu u l-qraba missew mal-mard u li ma kinitx xi sitwazzjoni faċli però dejjem żammu quddiem għajnejhom li ma kienu jafu qatt meta se jitilfu lil binhom u li meta tilfuh, ħassew weġgħa kbira. Josie qal ukoll li, “aħna nixtiequ nagħmlu minn kollox biex nerġgħu nrodduh lura lil Jake. Għożżejnih, ħabbejnih kemm flaħna. Għallimnieh għax fl-aħħar mill-aħħar kien it-tifel tagħna u qatt ma fissidnih għax kellu li kellu Jake għax huwa dejjem irrispetta dak kollu li għamilna miegħu. Tant huwa hekk li ftit mumenti qabel ħalliena rringrazzjana ta’ dak kollu li għamilna miegħu”.
B’tant emozzjonijiet, il-missier spjegalna li Jake kien tifel ubbidjenti u li lilu, bħala missier, għallmu ħafna. Qal li ibnu tant ħalla impatt qawwi, li kull fejn imur huwa u martu, kulħadd isemmih.
Temm jgħidilna li, “aħna lil Jake kulma tajnih qatra imma huwa tana oċean għax Jake tana ħafna iżjed milli tajnih aħna”.