Sunday, December 22, 2024

Raġel immultat €3,500 għax ħalla kelba marida msakkra f’garaxx

Aqra wkoll

Joseph Giardina ta’ 55 sena mill-Manikata ġie mmultat €3,500 wara li nstab ħati li żamm kelba marida msakkara f’garaxx. Skont dak li ġie ppreżentat fil-Qorti hu żamm il-kelba msakkra għal 3 snin.

Il-Maġistrat Rachel Montebello li quddiemha nstema l-każ sabet lil Giardina ħati li fi Frar tal-2022 u fis-snin ta’ qabel ġiegħel kelba ssofri, għaddija minn tbatija u dwejjaq u żammha mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tagħha u ħalla kelba tiġġerra fit-triq.

Fost ix-xhieda kien hemm uffiċjali tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali li qalu li kien daħal rapport għandhom li kien hemm kelba qed tiġri barra fil-Manikata u kienet ilha ġranet tiġri weħidha.

Huma kienu marru fuq il-post u sabu lil kelba li kienet fi stat ħażin ħafna. Kienu tkellmu mas-sid u l-kelba kienet ġiet ikkonfiskata fejn inżammet għal kura f’Island Sanctuary.

Min-naħa tiegħu Giardina qal li kien addotta lil kelba u dejjem għexet id-dar miegħu. Xehed li wara li ssepara ħadd ma setax jżommha u għalhekk l-aħħar 3 snin kienet għexet waħidha fil-garaxx. Però xehed li kuljum kien imur ħdejha u anke joħroġha. Hu qal li l-aħħar darba li kien ħadha għal kura kien xi għaxar snin ilu.

Il-Qorti qalet li fl-aħħar ta’ xjuħitha l-kelba kellha tispiċċa iżolata u mwarrba f’solitudni. Il-Maġistrat qalet li l-garaxx mhux post xieraq biex tinżamm kelba waħdiha.

Qalet li l-akkużat kien jaf li kellha bżonn il-kura, iżda baqa’ jwebbes rasu u ħallija tbati bla bżonn. Il-Qorti nnotat ukoll li l-akkużat fix-xhieda tiegħu kien qal li l-kelba kienet ħarbet mill-garaxx wara li kien mar biex joħroġha u ma setax isibha.

Kien għalhekk li l-Qorti wara li rat li l-akkużat ma wera l-ebda rimosrs għall-imġiba tiegħu u anke minħabba l-akkużi kontrih immultatu €3,500 multa u projbitu għal sena milli jżomm annimali.

Ekonomija

Sport