Raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post wara li dalgħodu nqabad bejn żewġ trakkijiet fil-bitħa ta’ kumpanija fil-viċinanzi tal-Lufthansa Technik, f’Ħal Luqa.
Il-Pulizija rċeviet telefonata għall-ħabta tas-7:13am, fejn inizjalment ġie rrappurtat li persuna kienet ittajret minn vettura quddiem il-Lufthansa Technik. Madankollu, meta l-Pulizija waslet fuq il-post, irriżulta li r-raġel kien tgħaffeġ bejn żewġ trakkijiet fil-bitħa ta’ kumpanija.
Fuq il-post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassistu lill-vittma.
Minkejja kull tentattiv biex tiġi salvata ħajtu, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
L-investigazzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident għadhom għaddejjin.
