Friday, October 4, 2024

Rapport psikjatriku jgħid li l-akkużat bil-qtil tal-ewwel tas-sena mhuwiex fi stat li jgħaddi ġuri

Aqra wkoll

Tliet psikjatri ddikjaraw li Noel Azzopardi jbati minn mard mentali serju u minn difikultajiet intelletwali u għalhekk mhuwiex fi stat li jgħaddi ġuri.

Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-qtil taż-żagħżugħ Eric Borg intqal li mill-eżami li sar fuq Azzopardi rriżulta li ma jifhimx il-proċeduri kriminali fil-Qorti u mhux fi stat mentali san biex jgħaddi proċeduri fil-Qorti.

Il-Psikjatri kkonkludew ukoll li Azzopardi kien qiegħed fi stat ta’ ġenn dakinhar tal-omiċidju u ma kellux l-kapaċità li jifforma l-intenzjoni kriminali, jiġifieri li jifhem u li jrid iwettaq att kriminali.

Borg kien instab mixħut għal tulu fl-art bla ħajja fl-ewwel jum tas-sena fir-Rabat. Il-psikjatri nħatru mill-Maġistrat Marse Anne Farrugia, wara li l-Qorti stess esprimiet tħassib dwar l-istat mentali tal-akkużat.

F’każ li l-Avukat Ġenerali tikkontesta dan ir-rapport, il-kwistjoni tal-insanità tiġi deċiża minn ġurin, sabiex jiddeterminaw jekk Azzopardi għandux il-kapaċità metali biex jgħaddi ġuri.

Il-Qorti min-naħa tagħha ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Godwin Scerri flimkien mal-Avukat Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzoppardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi.

Għall-familjari tal-vittma qed jidhru l-Avukati Joe Giglio u Mikeala Giglio.

Sport