Wednesday, April 24, 2024

“Riklamar ta’ logħob fuq il-midja qed iwassal għall-qerda ta’ bosta”

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech iddikjarat li riklamar dwar logħob ta’ kull ġeneru fuq il-midja, b’mod partikolari fuq it-televiżjoni u mhux limitat għal waqt xi logħba futbol, qed iwassal għall-qerda ta’ bosta. Apparti hekk, hija saħqet ukoll illi l-istess riklamar qed jagħmilha diffiċli li wieħed jegħleb il-vizzju billi jispiċċa jiġi mħajjar u mħeġġeġ jirritorna għall-vizzju tal-logħob.

Dan qalitu f’sentenza li tat li fiha sostniet ukoll li vizzju bħal dan wassal raġel tal-familja għal kriminalità. Fil-fatt, Oreste Zammit ta’ 63 sena, kien ikkundannat tliet snin priġunerija effettiva flimkien ma’ multa ta’ €110,000 wara li wieġeb ħati għal akkużi dwar ħasil ta’ flus u frodi b’dannu għal tliet kumpaniji.

Minbarra l-multa u l-piena ta’ ħabs, huwa kien ordnat jagħti lill-Gvern is-somma ta’ €830,193 f’dak li kien daħħal b’mod illegali, li tirrappreżenta b’mod konservattiv ferm il-valur tar-rikavat ġenerat mir-reati li qed tinstab ħtija dwarhom.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Frendo Dimech, sostniet li wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat serjament jekk ir-reklamar ta’ betting għandux jibda jiġi trattat bl-istess sensittività bħal reklamar ta’ prodotti alkoħoliċi u prodotti tat-tabakk.

“Għaliex ikun inutli jiġu mnedija programmi u policies biex jgħinu lil min hu maħkum minn vizzji simili kemm il-darba tali inizjattivi ma jkunux ikkumplimentati minn policies intiżi biex jipprevjenu l-vizzji fl-ewwel lok”.

Il-Magistrat Frendo Dimech insistiet ukoll illi l-vulnerabbli bħalma hu kull ivvizzjat, m’għandux jiġi suġġett involontarjament għal tentazzjonijiet anki fil-protezzjoni ta’ daru f’ħin meta qed isegwi programmi televiżivi u saħansitra l-aħbarijiet.

L-imputat Zammit kien talab li jingħata l-opportunità li jgħin lil ħaddieħor biex ma jispiċċax fil-pożizzjoni li sab ruħu fiha hu. Dan l-appell tal-imputat intqal li għandu jittieħed bis-serjetà. Fi kliem Zammit, jekk jirnexxielu jsalva mqar persuna oħra mill-istess madmad li hu spiċċa fih, ħajtu tkun serviet ta’ ġid, temmet is-sentenza tagħha l-Magistrat Donatella Frendo Dimech.

Sport