Riżultati li juru l-importanza tas-soċjetajiet tal-banda fil-komunitajiet tagħna

il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn statistika li kienet ippubblikata dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) irriżulta li fl-2025, 91 każin tal-banda madwar Malta u Għawdex kellhom b’kollox 26,683 membru. Din hija żieda ta’ 4.8 fil-mija, jew 1,212-il membru, meta mqabbel mal-2024.

Dawn ir-riżultati mill-aktar inkoraġġanti ġew innutati mill-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri, li f’kummenti ma’ dan il-ġurnal qal li dawn juru biċ-ċar l-importanza tas-soċjetajiet tal-banda fil-komunitajiet tagħna. 

Huwa beda biex qal li s-survey tal-NSO nħadem b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda li kienet strumentali biex il-membri kollha tagħha ħadu sehem f’dan l-istħarriġ għax għarfu l-importanza tiegħu. 

Dr Camilleri stqarr li huwa ċar kemm it-tagħlim tal-mużika qed jingħata importanza filwaqt li esprima t-twemmin tiegħu li “wasal iż-żmien li dan it-tagħlim jingħata rikonoxximent bħala edukazzjoni formali.”

Kompla jgħid li r-riżultati juru wkoll li s-soċjetajiet tal-banda huma wkoll mutur tal-ekonomija anke jekk fi kliemu stess huwa ċar li hemm bżonn titjib kif il-fondi jingħataw. 

“Huwa ċar ukoll li l-element volontarju għadu b’saħħtu u l-ħtieġa aktar minn qatt qabel li jkun hemm rikonoxximent formali tal-ħidma volontarja. Ir-riżultati juru li hemm element b’saħħtu ta’ membri b’edukazzjoni terzjarja u post sekondarja kuntrarju għal dak li jipperċepixxu xi wħud li s-soċjetajiet tal-banda m’hemmx membri ta’ edukazzjoni għolja. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni ta’ nisa fl-ogħla organi tas-soċjetajiet tal-banda,” tenna jgħid Dr Camilleri. 

X’tgħid l-istatistika tal-NSO? 

Mill-istatistika tal-NSO jirriżulta li fl-2025, kien hemm 2,038 bandist tal-post u 2,040 aljiev mal-każini kollha tal-baned. Il-membri tal-kumitati kienu jgħoddu 1,085, filwaqt li l-membri ordinarji laħqu l-21,520. Dan juri sħubija sħiħa taʼ 26,683 persuna fl-2025. Kien hemm żidiet fil-kategoriji kollha tas-sħubija.

In-nisa għoddhom laħqu terz tal-membri kollha tal-każini tal-banda kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Sehem in-nisa kien l-ogħla fost l-aljievi bi 38.2 fil-mija fl-2024 u bi 38.5 fil-mija fl-2025, u l-aktar baxx fost il-membri tal-kumitati bi 12.8 fil-mija fl-2024 u bi 13.7 fil-mija fl-2025.

Għoddhom il-każini kollha tal-baned (95.6 fil-mija) kellhom Kummissjoni tal-Banda (Kummissjoni Banda). It-tieni l-aktar kumitat komuni kien il-Kumitat taż-Żgħażagħ (71.4 fil-mija); warajhom kien hemm il-Kumitati tan-Nar (53.8 fil-mija). Kumitati oħra stabbiliti kienu jinkludu dawk tan-Nisa (44.0 fil-mija), tat-Tfal (30.8 fil-mija), tal-Armar tat-Toroq (28.6 fil-mija), tal-Midja (14.3 fil-mija), u tal-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira (6.6 fil-mija).

L-għadd taʼ għalliema tal-mużika kkwalifikati żdied minn 386 fl-2024 għal 417 fl-2025, żieda ta’ 8.0 fil-mija. Fis-sentejn taʼ riferenza, l-akbar sehem ta’ għalliema kienu speċjalizzati fit-teorija; warajhom kien hemm dawk fl-istrumenti tar-ram u tal-injam. Il-biċċa l-kbira tal-għalliema kkwalifikati kienu jinsabu fʼMalta, filwaqt li Għawdex kien jirrappreżenta sehem relattivament żgħir iżda stabbli fid-dixxiplini mużikali kollha.

Il-każini tal-baned tellgħu ʼl fuq minn 1,300 rappreżentazzjoni matul l-2025, li għoddhom terz minnhom saru barra mil-lokalità tal-każin jew barra minn Malta. Il-voluntieri baqgħu jaqdu rwol siewi fl-appoġġ għall-attivitajiet tal-każini tal-baned. Meta mqabbel mal-2024, l-għadd taʼ voluntieri regolari żdied bʼ4.8 fil-mija, filwaqt li l-voluntieri li jgħinu fi żminijiet speċifiċi żdiedu bʼ5.9 fil-mija. Iż-żieda fost il-voluntieri dehret kemm fl-irġiel kif ukoll fin-nisa.

In-nefqa kurrenti kollha tal-każini tal-baned matul l-2025 kienet stmata għal aktar minn €9.2 miljuni, filwaqt li n-nefqa kapitali għoddha laħqet iż-€2.5 miljuni. It-taqsim tad-distretti wera li d-distretti tax-Xlokk u tan-Nofsinhar tal-Port kellhom l-akbar ishma tan-nefqa, b’31.3 fil-mija u bi 17.6 fil-mija, rispettivament.

Fl-2025, id-dħul kurrenti kollu rrappurtat mill-każini tal-baned kien stmat għal €11.8-il miljun. Il-każini tal-baned fid-distrett tax-Xlokk irreġistraw l-ogħla sehem tad-dħul kollu (27.3 fil-mija), filwaqt li dawk fid-distrett tat-Tramuntana rreġistraw l-aktar sehem baxx (8.9 fil-mija).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport