“Unur li se nibqa’ niftakru u ngħożżu tul ħajti kollha”

- is-Surġent Christopher Debrincat li ġie rikonoxxut bħala l-Uffiċjal tas-Sena

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, is-Surġent Christopher Debrincat kien rikonoxxut bħala l-Uffiċjal tas-Sena waqt iċ-ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li s-sena li għaddiet iddistingwew ruħhom b’mod eċċezzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Is-Surġent Brincat ingħata dan ir-rikonoxximent għall-kuraġġ eċċezzjonali tiegħu, it-tmexxija deċiżiva, u l-impenn altruwista tiegħu meta kien imsejjaħ sabiex jassisti f’nar f’dar fil-Mosta fejn kien hemm maqbuda tifla ta’ 13-il sena. Mingħajr eżitazzjoni u konxju bis-sħiħ mir-riskju personali serju, huwa salva lit-tifla.

L-imġiba tas-Surġent Debrincat tirrifletti l-ogħla standards ta’ kuraġġ, professjonaliżmu, u dedikazzjoni mistennija minn uffiċjal tal-pulizija.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt mas-Surġent Debrincat innifsu fejn tana iktar dettalji kemm rigward il-ħidma tiegpu fil-Korp tal-Pulizija, kif ukoll rigward x’fisser għalih dan il-premju personali.

Kif ġietek il-ħajra li tidħol Pulizija?

Li tidħol fil-Pulizija hija vokazzjoni, u mhux xogħol kwalunkwe li jista’ jagħmlu kulħadd.

In-nannu tiegħi kien fis-servizz u, b’xi mod, dejjem kont espost għar-rakkonti u l-esperjenzi tiegħu. Minn dejjem xtaqt nidħol fis-servizz, għax li tgħin lin-nies huwa sodisfazzjon fih innifsu.

Illum, li nservi u nipproteġi saru parti minn ħajti.

X’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħek f’dan ir-rwol?

Jien ili għal dawn l-aħħar għaxar snin surġent u nagħmel parti mill-iskwadra tar-RIU (Rapid Intervention Unit).

Ix-xogħol tagħna huwa, bażikament, dak ta’ first responding officers, fejn nassistu fuq kull tip ta’ każ li niġu msejħa għalih, fosthom inċidenti tat-traffiku (MVAs), ġlied, serq, vandaliżmu, vjolenza domestika u anke suwiċidji.

X’tikkummenta fuq l-unur riċenti ferm prestiġjuż li rbaħt u x’fisser għalik personali? 

Li ġejt magħżul bħala l-Pulizija tas-Sena huwa unur kbir għalija. Huwa unur li se nibqa’ niftakru u ngħożżu tul ħajti kollha.

Hija ħaġa sabiħa li tkun apprezzat għax-xogħol li tkun għamilt, u bla dubju timmotivani nagħti aktar. Fl-istess ħin, naħseb li premju bħal dan għandu jkun ta’ motivazzjoni għal kull min jaqdi lill-poplu b’qalbu.

X’kienet il-ħidma sinifikanti tiegħek biex finalment irbaħt dan l-unur?

Kif għidt aktar qabel, aħna tar-RIU, bħala first responding officers, ġejna msejħa nassistu fil-Mosta, fejn blokka ta’ flats kienet qed tieħu n-nar.

Fil-penthouse tal-istess blokka kien hemm tifla ta’ 13-il sena maqbuda ġewwa. Jien, flimkien mal-kollega tiegħi PC1493, tlajna mill-blokka ta’ flats ta’ maġenbha, qbiżna fil-penthouse u dħalna għat-tifla. Ħriġnieha qalb ħafna duħħan iswed u nuqqas kbir ta’ nifs.

Kif jilqgħukom in-nies hemm barra bħala Pulizija?

Fil-parti l-kbira tax-xogħol tagħna niltaqgħu ma’ kull tip ta’ sitwazzjoni u ma’ ħafna nies differenti. Hemm min juri apprezzament kbir għas-servizz li nkunu tajnieh, iżda nsibu wkoll min jinsulentana u jżebdaħna.

Madankollu, normalment insibu kooperazzjoni mill-pubbliku, u f’ċerti każijiet huma stess ikunu dawk li jagħtuna informazzjoni importanti.

Intom li tant tkunu viċin tan-nies, kif tarawha is-soċjetà Maltija hemm barra u kif inbidlet tul is-snin?

Fit-23 sena ta’ servizz li s’issa tajt, rajt is-soċjetà tinbidel u tevolvi f’diversi aspetti.

Li hu żgur huwa li l-ħajja tas-soċjetà tagħna saret aktar mgħaġġla u, forsi, ftit aktar ikkumplikata. Il-Korp, u aħna bħala membri tiegħu, evolvejna wkoll maż-żmien u sirna nħarsu lejn is-soċjetà b’mod aktar ħolistiku.

Illum, mhux biss nassistu u nagħtu għajnuna b’mod reattiv lill-vittmi, iżda naħdmu wkoll b’mod proattiv fil-prevenzjoni u fl-għoti ta’ appoġġ aktar komprensiv.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir Pulizija.

Inħeġġeġ lil kull min tassew għandu vokazzjoni biex jingħaqad fil-Korp. Iżda wieħed irid ikun preparat, għax ix-xogħol ta’ pulizija mhuwiex sempliċement xogħol bħall-oħrajn.

Trid tkun lest li taqdi, tipproteġi u tgħin liċ-ċittadini u lil pajjiżek. Dan huwa xogħol li jimlik b’sodisfazzjon u unur.

Fil-Korp hemm ukoll diversi opportunitajiet biex tikber, tavvanza u tispeċjalizza f’oqsma differenti tal-pulizija.

Mela jekk tassew tħoss li int lest għal xogħol li jitlob dedikazzjoni kbira, agħmel kuraġġ u ingħaqad fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Domine Dirige Nos.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport