Każ li kien seħħ f’Marsalforn u li kien qajjem tħassib kien dak ta’ raġel miexi għarwien. Ir-raġel kien inġabar mill-Pulizija iżda mbagħad spiċċa kien vjolenti fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex, ikkawża ħsarat sostanzjali, u anke ħarab mill-kustodja tal-Pulizija.
Irriżulta minn rapport ta’ espert psikjatriku imqabbad mill-Qorti li r-raġel jbati minn psikożi.
Fir-rapport tiegħu l-espert psikjatriku jgħid li “kien f’April meta ir-raġel ddaħħal fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Huwa tressaq fid-Dipartiment tal-Emerġenza wara li f’Marsalforn kien innutat iġib ruħu b’mod anormali u għarwien. Meta ġie eżaminat mal-wasla fid-Dipartiment tal-Emerġenza, kien psikotiku. Huwa kellu delużjonijiet. Kien jemmen li kien Alla. Ħass li ma kien hemm xejn ħażin li kien għarwien. Waqt li kien qed jiġi eżaminat, sar aggressiv u beda jkisser il-kamra li kien fiha. Waqt li kien qed jiġi mrażżan minħabba l-imġieba aggressiva tiegħu, kellu jiġi sedat u eventwalment intubat. Minn hemm, il-pazjent ġie trasferit fis-Short Stay Ward ta’ Għawdex. Huwa nħeles minn hemm madwar xahrejn wara.”
Minn xhieda ta’ konsulent psikjatra li kienet issegwi lil dan ir-raġel meta ddaħħal l-isptar, hi tgħid li hu kien fi stat ta’ psikożi akuta fejn ma kienx dak il-ħin qed jagħraf ir-realtà x’kienet. Tispjega kif huwa kellu ħafna delużjonijiet. Kien qed jaħseb li hu Alla, li hemm ix-xjaten u li hu kien se jagħmel ċertu affarijiet biex isalva d-dinja. Tgħid wkoll kif kellu wkoll ħsibijiet ta’ persekuzzjoni fejn mingħalih in-nies kienu qegħdin jagħmlulu l-ħsara. Tkompli tistqarr kif anke kellu esperjenza ta’ alluċinazzjonijiet u kien qed jara u jisma’ affarijiet li ma kinux reali dak il-ħin”.
Jirriżulta li r-raġel kien qed jabbuża mill-kannabis u anke mill-kannabis sintetika, imma dak li seħħ dakinhar ma seħħx riżultat ta’ abbuż minn dawn id-drogi. Ir-raġel diġa kellu problemi mentali, liema problemi aggravaw ruħhom riżultat tal-abbuż mill-kannabis, partikolarment abbuż mill-kannabis sintetika.”
Wieħed mill-konsulenti jgħid li “l-abbuż mid-droga sintetika imbagħad wassal sabiex ikun hemm “disturb fiżiku qawwo ta’ aggressjoni”. Jgħid li dakinhar il-kundizzjioni mentali tar-raġel kienet tali li huwa ma kienx jaf eżatt x’kien qed jiġri, ma kienx kapaċi jagħraf it-tajjeb mill-ħażin.
Il-Qorti ddikjarat li dak li ġara kien riżultat tal-psikożi akuta li kien qed ibati minnha. Għalhekk ma jistax jitqies li huwa kriminalment responsabbli għal dak li ġara.
Il-Qorti ordnat li d-deċiżjoni tiġi notifikata lill-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittjiet ta’ Persuni b’Diżordni Mentali biex jassigura ruħu li r-raġel jkompli għaddej bl-Ordni ta’ Kura fil-Kommunita. Dan bl-iskop li hu jkompli jingħata l-għajnuna kollha neċessarja kif wkoll jiġi assikurat li huwa qed jieħu l-kura kollha li jippreskrivulu t-tobba u l-konsulenti li qegħdin isegwuh.