Saturday, December 21, 2024

Schiavone ma jeskludix li fl-2019 seta’ kkomunika ma’ Yorgen Fenech

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġranet dan is-sit ikkuntattja lid-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone u staqsih numru ta’ domandi b’rabta ma’ allegazzjonijiet li hu kellu kuntatti mal-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dakinhar Schiavone kien ċaħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet u ċaħad kull involviment tiegħu ma’ Yorgen Fenech.

Talk.mt mill-ġdid reġa’ kkuntattja lil Schiavone rigward informazzjoni li kiseb minn sorsi qrib tiegħu li jindikaw li Schiavone fit-19 ta’ Marzu ta’ sentejn ilu kellu fil-fatt komunikazzjoni ma’ Fenech. Dan jaħbat ftit tax-xhur wara li Yorgen Fenech kien implikat li għandu sehem fil-kumpanija 17 Black.

Dan hekk kif f’Novembru tal-2018 rapporti f’ġurnali lokali kienu qalu li investigaturi kriminali lokali kienu ngħataw ‘intelligence report’ fejn f’dan ir-rapport jissemma d-direttur u negozjant tal-power station ta’ Electrogas, Yorgen Fenech, bħala s-sid tal-kumpanija 17 Black. L-istess Fenech ġie msemmi mit-Times of Malta u mir-Reuters bħala l-uniku sid tal-kumpanija 17 Black.

Mistoqsi jekk jikkonfermax jew jinnegax li fid-19 ta’ Marzu 2019 filgħodu kellu komunikazzjoni ma’ Fenech, id-Deputat Nazzjonalista Schiavone wieġeb li: “Ma niftakarx ma’ min ikkomunikajt sentejn u nofs ilu bil-ġurnata eżatta. Ma neskludiex li stajt ikkomunikajt mas-Sur Fenech b’rabta mal-attività li kelna l-ħsieb norganizzaw.”

Schiavone mill-ġdid tenna jgħid li huwa fl-interess tiegħu li ċ-chats tas-sur Fenech ikunu ppubblikati fl-intier tagħhom u żied jgħid: “għax ma hemm xejn li lili jħammarli wiċċi, anzi dawn juru li jien qatt m’għamilt xejn ħażin.”

Intant, wara t-tweġiba lil talk.mt, fuq il-midja soċjali, l-istess Schiavone qal: “Qed isir sforz imqanżah mill-Partit fil-gvern permezz tal-media tal-GWU biex b’xi mod iżeffnu lili bi stejjer riċiklati.”

Ekonomija

Sport