Wednesday, May 8, 2024

“Se jkollna aktar appartamenti minn kemm għandna waiting lists” – il-Ministru Roderick Galdes

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar fil-Parlament li ġew allokati appartamenti tal-housing soċjali fil-Belt Valletta, l-Imsida u s-Siġġiewi. Dan filwaqt li se jkompli jiġu allokati għadd ta’ appartamenti oħra fiż-żmien li ġej. 

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu nid-Deputat Nazzjonalista David Thake, il-Ministru Galdes enfasizza li “se jkollna aktar appartamenti minn kemm għandna waiting lists illum il-ġurnata. Aħna bil-fatti, ma nħalluhomx fuq il-pjanti l-proġetti tagħna. Meta ngħidu xi ħaġa inwettquha.”

Intant, f’mistoqsija oħra li saritlu, il-Ministru Galdes spjega kif mill-2017 sal-lum, sar titjib f’madwar 600 blokka ta’ appartamenti madwar il-pajjiż kollu. Dan ifisser li mill-istokk eżistenti li jlaħħaq mal-1,117 blokka, sar xogħol li għamel differenza fuq 54% tal-istokk imxerred mal-pajjiż kollu.

Huwa qal ukoll li permezz ta’ skema b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali se jsir tisbiħ b’investiment b’saħħtu fil-partijiet komuni ta’ madwar 120 blokka oħra. Barra minn hekk sas-sena 2022 se jkunu installati madwar 158 lift madwar il-pajjiż, bil-mira tal-Gvern hi li fejn ikun possibbli kull blokka ssir aċċessibbli biex isir lift.

Il-Ministru Galdes żied isemmi wkoll li se jkunu rranġati blokok f’Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ, Santa Venera, Ħal Tarxien, l-Imsida, Santa Luċija, ir-Rabat, Ħal Kirkop, il-Marsa, il-Mosta, il-Furjana, Bormla, Birkirkara, il-Belt Valletta, l-Isla u San Ġwann.

“Dan ifisser li dan ix-xogħol estensiv se jibqa’ għaddej minn sena għal sena,” temm jgħid il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.

Sport