Wednesday, January 15, 2025

“Se nibqgħu ninsistu fl-appell tagħna għal waqfien immedjat mill-ġlied” – il-President Myriam Spiteri Debono

Aqra wkoll

“Malta tibqa’ mħassba sew dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. It-tensjonijiet li qed ikomplu jiżdiedu f’dan ir-reġjun mhux biss huma ta’ theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali imma wkoll huma responsabli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-atroċitajiet li ta’ kuljum qed isiru fuq nies ċivili. Se nibqgħu ninsistu fl-appell tagħna għal waqfien immedjat mill-ġlied, li jkunu meħlusa l-ostaġġi kollha u li l-għajnuna umanitarja tasal f’żoni ta’ kunflitt.” 

Iddikjarat dan il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fl-indirizz tagħha lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Hija ħadet l-opportunità biex tirrifletti fuq l-istat kurrenti internazzjonali u enfasizzat ir-rwol ewlieni tad-diplomazija biex trawwem id-djalogu għas-soluzzjoni tal-kunflitti. 

Dwar l-Ukrajna, il-President qalet li huwa essenzjali li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema, li għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ewlenin taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Magħquda u b’rispett sħiħ lejn l-integrità territorjali u s-sovranità ta’ dan il-pajjiż. 

“L-għaqda fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u t-tisħiħ fil-koperazzjoni bejn l-imsieħba globali tibqa’ kruċjali biex jiġi sostnut l-appoġġ għall-Ukrajna u biex tkun evitata aktar eskalazzjoni,” qalet il-President. 

Hija sostniet li rreferiet għal dawn il-kunflitti primarjament għax huma l-eqreb lejn xtutna filwaqt li ma rridux ninsew ħafna kufnlitt oħra li huma l-kawża ta’ daqstant tbatija umana.

Il-President fakkret ukoll li matul is-sena li għaddiet, Malta ċċelebrat diversi anniversarji importanti fosthom is-60 sena tal-Indipendenza, il-50 sena tar-Repubblika, il-45 sena mill-kisba tal-Ħelsien u l-20 sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Tkellmet dwar in-newtralità li jħaddan pajjiżna filwaqt li faħħret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg tax-xogħol siewi li għamel f’isem Malta fix-xena globali, fosthom bit-tmexxija tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

“Taħt il-gwida tiegħu, Malta għamlet passi sinifikanti biex tafferma l-missjoni internazzjonali tagħha bħala promotur tal-paċi u s-sigurtà fost in-nazzjonijiet,” qalet il-President. 

Hija semmiet ukoll kif minn Mejju sa Novembru ta’ din is-sena, Malta se jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, li se tiffoka fuq erba’ prijoritajiet ewlenin. Dawn se jkunu: l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, il-protezzjoni tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni u l-ħarsien tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-President Spiteri Debono temmet tgħid li l-ħidma favur il-paċi, is-sigurtà, il-prosperità u l-istabbiltà mhix xi ħaġa li tista’ ssir minn nazzjon wieħed waħdu. Dawn l-għanijiet jeħtieġu sforz kollettiv minn kulħadd, b’kull wieħed għandu rwol importanti fit-twettiq tagħhom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport