Saturday, December 21, 2024

“Se niġbor l-flus sabiex tfal bħal ibni li għandu l-awtiżmu jingħataw iktar għajnuna”

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Sa mill-bidu ta’ ħajjet it-tifel kont aware li għandu l-awtiżmu. Meta kompla jikber ibni beda jattendi l-Malta Autism Centre, li nista’ ngħid sibna ħafna għajnuna mingħandhom. Huwa għalhekk li għal sena oħra ddeċidejt li b’għajnuna minn diversi għaqdiet u mill-pubbliku se norganizza ġurnata ta’ attivitajiet għall-familja kollha sabiex jinġabru iktar fondi għall-dan iċ-ċentru li jgħinu persuni bl-awtiżmu”.

Dan iddikjarah Mario Mifsud f’intervista li kellu ma’ dan is-sit, fejn tana ħasra x’se jkun qiegħed jiġri nhar il-Ħadd illi ġej f’Ħal Far. Spjegalna li Ħal Far se jinbidel f’avveniment massiv, speċjalment għal dawk li huma delettanti ferm tal-karozzi. Mifsud qal li se jkun hemm il-Grand Motor Show, fejn klabbs u individwi se juru l-aqwa vetturi ta’ Malta.

Dan filwaqt li l-Malta Drifting Association se tkun qed tħarreġ u tagħti dawk li jissejħu drift rides, għal dawk li jagħtu donazzjoni. Din is-sena, se jkunu qed jipparteċipaw ukoll l-klabb tal-AWDC Offroad b’kollaborazzjoni ma’ klabbs u individwi oħra tal-Offroad. Se jkun hemm ukoll membri preżenti mill-Malta Pro Wrestling, li se jagħtu l-prestazzjoni tagħhom u jagħtu ftit informazzjoni dwar dan it-tip ta’ sport.

Mifsud spjegalna kif fit-trakka tal-karting La Reve, Island Karting Club l- (IKC) b’kollaborazzjoni mal-KPL Racing, se jiġu organizzati sezzjonijiet ta’ sewqan sabiex il-pubbliku ġenerali jesperjenza l-pjaċir tal-karting.

Għat-tfal se jkun hemm ukoll l-Bouncy Castle. Temm jgħid li għalhekk permezz ta’ dawn l-attivitajiet imsemmija u oħrajn, se tinġabar somma sabiħa li se tingħata lill-Malta Autism Centre.

Il-Malta Autism Centre bħalissa qed jispeċjalizza u joffri għajnuna lill-madwar 120 persuna li huma bl-awtiżmu. Dan iċ-ċentru huwa mgħammar biex jagħti appoġġ lill-individwi bl-awtiżmu f’kull stadju tal-ħajja.

Dawn jappoġġjaw ukoll numru ta’ skejjel f’Malta biex jiżguraw li l-istudenti bl-awtiżmu jkunu qed jirċievu edukazzjoni adegwata li takkomoda l-bżonnijiet u l-istili ta’ tagħlim tagħhom.

Ekonomija

Sport