Sean Cini, il-kowċ tal-goalkeepers ta’ Birkirkara FC, sellem lill-klabb wara “seba’ staġuni indimentikabbli,” li matulhom mexxa lill-goalkeepers tat-timijiet tal-youths u tal-kbar ta’ Birkirkara.
Cini qal li “dak li beda bħala opportunità waħda sar vjaġġ mimli sfidi, tkabbir, memorji indimentikabbli, u konnessjonijiet tul il-ħajja. Hekk kif se nkun qed nibda kapitlu ġdid, nagħmel dan bi gratitudni immensa għal kull min għamel dawn is-seba’ snin daqshekk sinifikanti.”
Huwa fakkar fit-trijonf tal-FA Trophy minn Birkirkara matul l-istaġun 2022/2023, “kisba speċjali li rriflettiet ix-xogħol iebes, id-dedikazzjoni, u l-għaqda ta’ kulħadd involut.”
Cini għożż “il-passjoni u l-appoġġ inkredibbli tal-Birkirkara Ultras matul l-aktar mumenti importanti tal-klabb,” u wera gratitudni lejn il-partitarji dedikati tal-klabb li dejjem appoġġjaw lit-tim fil-mumenti tajbin u ħżiena.
Huwa rrimarka li se jkun qed iħalli l-klabb “bi kburija immensa u kuxjenza nadifa, konxju mill-fatt li ta dak kollu li kellu lil dan il-klabb,” filwaqt li rringrazzja lill-familjari, qraba u ħbieb tiegħu għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul dan il-vjaġġ.


