Monday, December 9, 2024

SEDE ĠDIDA TAL-CARITAS F’GĦAWDEX

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2024, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma inawgura u bierek is-sede ġdida tal-Caritas tad-Djoċesi ta’ Għawdex, f’Dar Trionfi, Triq Sant’Ursola, il-Belt Victoria. Huwa sejħilha fost l-oħrajn “lukanda tal-foqra” miftuħa għal dawk kollha li jfittxu s-servizz tad-Djakonija li l-Knisja f’Għawdex ilha twettaq skont ix-xewqa ta’ Kristu.

Sa mill-1952, Dar Trionfi tmexxiet u serviet għal diversi għanijiet ta’ karità u benefiċenza: għal 20 sena kienet klinika mmexxija mis-Sorijiet Dumnikani, fejn speċjalisti fil-qasam tal-mediċina kienu jinvistaw pazjenti Għawdxin, waqt li għal bosta snin wara serviet bħala dar għall-anzjani. Fl-2022-2023 il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kienet tilqa’ persuni homeless u vulnerabbli biex imbagħad eventwalment jiġu integrati fis-soċjetà.

Issa, fis-sajf li għadda d-Djoċesi ta’ Għawdex ħadet ħsieb li jsiru tiswijiet estensivi u manutenzjoni tal-post biex minn nhar il-Ġimgħa, Dar Trionfi tinsab bil-bieb miftuħ ħalli taqdi lil persuni bi ħtiġijiet diversi. Il-ħidma tal-Caritas ġiet trasferita għal dan il-post mill-Kurja u minn appartament fil-Fontana, u bdiet fl-14 ta’ Ottubru.

Kif spjega Mons. Jimmy Xerri, Direttur tad-Djakonija u tal-Caritas f’Għawdex, bħalissa minn din id-dar qed jiġu offruti diversi servizzi li huma kollha b’xejn. Fost dawn hemm dak ta’ social worker, bi grupp ieħor ta’ voluntiera jilqgħu lin-nies li jitolbu għajnuna bħal ħwejjeġ, oġġetti tal-ikel u tal-iġjene, u servizzi oħrajn. Dar Trionfi tilqa’ lin-nies kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mid-9.30am sal-11.30am.

Darba fix-xahar, is-Sibt, jingħata wkoll servizz ta’ klinika legali, li jgħin lil migranti li jkollhom bżonn għajnuna legali dwar permessi biex jakkwistaw dokumenti meħtieġa għal residenza f’pajjiżna. Din il-klinka titmexxa minn avukat li jaħdem f’isem il-Jesuit Refugee Services u avukat ieħor minn Għawdex li jagħti servizz lil min jagħmel appuntament biex il-każ tiegħu jinstema’ fid-dar stess.

Ix-xogħol ta’ manutenzjoni fuq id-dar mistenni jkompli fis-sular ta’ fuq ukoll, biex ikunu jistgħu jiġu moqdija aħjar persuni li jkollhom bżonn għajnuna f’oqsma oħrajn tas-saħħa. Il-pass li jmiss huwa li jibda jiffunzjona laundry għal persuni li ma jkollhomx aċċess għal wieħed minħabba l-qagħda prekarja li fiha jgħixu f’dik li hija struttura fiżika tar-residenza.

Fid-Djoċesi ta’ Għawdex il-membri tal-Knisja jieħdu ħsieb diversi opri li kollha għandhom l-għan li jippromovu lill-bniedem fil-ħtiġijiet tiegħu. Il-Caritas f’Għawdex tmexxi soup kitchen permezz ta’ grupp ta’ voluntiera li jqassmu 40 ikla sħuna għal tliet darbiet fil-ġimgħa. Dan is-servizz jingħata fil-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fil-Belt Victoria, u l-ikel kollu jingħata minn Dar Arka u minn Villa San Lawrenz.

Fi tmiem iċ-ċerimonja tal-ftuħ, l-Isqof irringrazzja lil ħafna voluntiera li għenu fit-tiġdid ta’ din id-dar, kif ukoll jgħinu fit-tmexxija tagħha kuljum. B’mod partikulari huwa sellem il-memorja ta’ Mons. Emanuel Curmi, saċerdot ta’ qalb kbira u ta’ viżjoni li miet ftit tal-ġimgħat ilu, u li mhux biss kien l-ewwel Direttur tal-Caritas f’Għawdex, imma prattikament kien hu li kkonċepieha u beda diversi servizzi soċjali u ta’ karità f’isem il-Knisja f’Għawdex. Il-Fondazzjoni Arka, li hu beda, bid-diversi djar u servizzi tagħha tieħu ħsieb persuni b’diżabbiltajiet fiżiċi u psikiċi, u dan l-aħħar nediet proġett li jgħin persuni bi problemi relatati mal-awtiżmu.

F’Għawdex hawn ukoll żewġ djar tal-Knisja għall-anzjani, Villa San Lawrenz u St Dominic Home; Dar Ġużeppa Debono twettaq ħidma favur il-ħajja; waqt li qrib is-Santwarju Ta’ Pinu hemm ċentru tal-counselling li jgħin familji bi problemi. Il-Kummissjoni Migranti twieġeb għal ħtiġijiet ta’ diversi barranin li jgħixu fostna, b’servizz ta’ sussidju tal-kera low cost lil xi familji. Il-Fondazzjoni OASI, min-naħa tagħha, taħdem favur persuni li għandhom diffikultajiet ta’ dipendenza.

Fuq kollox, il-Caritas f’Għawdex taħdem id f’id mal-entitajiet kollha tal-ħidma soċjali f’Għawdex biex jiġu megħjuna persuni li jeħtieġu assistenza materjali, finanzjarja jew umana. Flimkien ma’ dan kollu, tkompli l-ħidma ta’ djakonija u karità fil-parroċċi Għawdxin, li ġeneralment issir “fil-moħbi u b’mod diskret”, fakkar id-Direttur tal-Caritas f’Għawdex.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport