Saturday, May 4, 2024

Sentenza sospiża wara li ta fastidju lil kuġini u zijiet tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena, li għandu problema tad-droga, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €800 wara li ammetta li ta fastidju lil tnejn mill-kuġini tiegħu u lil tliet zijiet tiegħu. 

Il-każ seħħ nhar l-14 ta’ Ġunju li għadda, għall-ħabta tat-8.00 p.m., fis-Siġġiewi. 

Ir-raġel wieġeb ħati wkoll li kkaġunalhom biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħhom, li kellu d-droga kokaina fil-pussess tiegħu u li ma żammx armi f’post sigur ġewwa r-residenza tiegħu fost oħrajn.

Għall-finijiet ta’ piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ikkunsidrat n-natura tar-reati li tagħhom l-imputat qed jinstab ħati u l-fedina penali tiegħu li minnha jiriżulta li diġà kellu kundanni oħra. 

Il-Qorti kkunsidrat ukoll li l-imputat għandu problema ta’ droga u l-ammissjoni tiegħu fi stadju bikri tal-proċeduri. 

Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrra tiegħu, ikkundannatu sentenza sospiża flimkien ma’ multa. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-armi u munizzjon li kienu elevati mill-pussess tal-imputat. 

Fl-istess ħin ipprojbietu milli jkollu liċenzja taħt l-Att dwar l-Armi għal żmien erba’ snin. Huwa tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni għall-istess perjodu u ħarġet ordni ta’ trażżin kontrih għal żmien tliet snin li tipprovdi għas-sigurtà tal-żewġ kuġini u tliet zijiet tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman. 

Sport