Sunday, December 22, 2024

Sforz biex jiġi eliminat l-isfruttament tal-ħaddiema tal-kuntrattur

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-trattament ugwali għall-ħaddiema tal-kuntrattur dejjem kien prijorità għall-General Workers’ Union. Tant li dwar dan, il-GWU flimkien mal-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta organizzat konferenza li trattat it-tema jekk il-ħaddiema tal-kuntrattur humiex trattati l-istess fuq il-post tax-xogħol tagħhom.


Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja spjega li l-għan wara l-konferenza huwa dak li tkun diskussa l-ġustizzja soċjali u l-mobiltà soċjali fi kwistjoni li jeħtieġ li tiġi indirizzata. Qal li waħda mill-isfidi ewlenin li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema tal-kuntrattur hi n-nuqqas ta’ protezzjoni legali.

Is-Sur Bugeja qal li dawn il-ħaddiema qed ikunu affaċċjati b’sitwazzjoni li jinbidlu minn ħaddiema oħra fl-istess post tax-xogħol u kważi esklużi minn kull benefiċċju ta’ ftehim kollettiv. Għalhekk jeħtieġ protezzjoni akbar lil dawn il-ħaddiema mhux biss skont dak li tgħid il-liġi imma aktar minn hekk bis-sħubija tagħhom fi trejdunjin tal-għażla tagħhom.

Semma wkoll il-ħtieġa li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fil-pagi u għalhekk enfasizza l-prinċipju ta’ ħlas indaqs għall-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol fejn jaħdmu.

“Kulħadd għandu d-dover li jħares u jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha” – is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul. F’intervent li għamel waqt il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul enfasizza li kulħadd għandu d-dover li jħares u jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha.

Huwa semma r-riforma li saret fir-rigward tal-aġenziji tax-xogħol li issa se jkollhom l-obbligu li jaraw li l-ħaddiema barranin li jġibu, ikunu kwalifikati għax-xogħol li jkun mistenni minnhom. Fil-fatt dawn l-aġenziji minn April li għadda nħarġu l-ewwel liċenzji lil dawn l-aġenziji.

Dawn l-isforzi kollha, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul, jagħmlu parti minn ħidma aktar wiesgħa biex tkun żgurata l-ġustizzja soċjali u kif ukoll biex tkun eliminata kull forma ta’ sfruttrament tal-ħaddiema.

Fl-istess waqt huwa fakkar il-ħidma li għaddejja biex il-kunċett tal-ħlas indaqs għall-istess xogħol tidħol għall-ħaddiema tal-kuntrattur fis-settur privat. Dan bil-għan li minbarra li se jibdew jitħallsu l-istess paga għall-istess xogħol, jiġi aċċertat li ma jkunx ittollerat aktar ebda forma ta’ diskriminazzjoni filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-inklussività u l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.

“Id-drittijiet tal-ħaddiema se jkomplu jkunu fil-qalba tal-ħidma tiegħi fil-Gvern. irridu dejjem nistinkaw għal titjib kontinwu f’dan ir-rigward,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.

“Irridu nibqgħu niġġieldu kontra l-isfruttament” – Ivan Castillo

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo qal li rridu nibqgħu niġġieldu kontra l-isfruttament li huwa illegali, inġust u jopponi fundamentalment il-prinċipji tas-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali, id-dinjità tal-ħaddiem u l-ugwaljanza.

“Qegħdin hawn biex kollettivament nibagħtu messaġġ illi t-trattament inugwali mhuwiex aċċettabbli fis-soċjetà tal-lum,” qal Castillo. Huwa kompla jgħid li lil hinn mill-prinċipju tal-ħlas indaqs għall-istess xogħol hemm ukoll ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

Filwaqt li rrefera għal-laqgħat li regolarment ikollu mal-GWU, Castillo qal li ż-żewġ naħat jaqblu fuq l-importanza li l-ħaddiema jkunu organizzati fi trejdunjin, billi dan il-prinċipju jkattar l-ugwaljanza u r-rispett fuq il-postijiet tax-xogħol.

Fil-konferenza saret ukoll preżentazzjoni dwar l-istess suġġett mill-Prof. Colin Calleja – id-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta u anke diskussjoni minn panel ta’ diversi kelliema.

Ekonomija

Sport