Sunday, June 28, 2026

Skont Harbinson is-Serba mhix ‘Forensic Accountant’

Aqra wkoll

L-espert ewlieni fuq l-inkjesta Vitals tal-Maġistrat Gabriella Vella, il-forensic accountant Irlandiż Jeremy Habinson qal li ma jridx u ma jistax jixhed dwar din l-istess inkjesta għax ċeda l-warrant tiegħu u għalhekk bil-liġi ma jistax jibqa’ jaħdem bħala forensic accountant. Min-naħa l-oħra, l-‘esperta’ oħra, s-Serba Miroslava Milenovic, ħadmet l-istess inkjesta bħala ‘forensic accountant’, minkejja li mhux biss m’għandhiex warrant iżda lanqas biss għandha ‘degree’ rikonoxxut fl-‘accounts’.

Il-Pulizija Maltija u anki l-Avukat Ġenerali ma qabdux din il-kontradizzjoni bejn esperti iżda straħu fuq interpretazzjoni superfiċjali u ħażina tal-liġi fejn qed jgħidu li la l-liġi tal-professjoni tal-‘accountants’ ma ssemmix il-kelma “forensic” allura s-Serba setgħet taħdem mingħajr warrant.

Jgħid li bla warrant ma jistax jixhed 

Fl-10 ta’ Frar 2025 Jeremy Harbinson kien ippreżenta affidavit ta’ żewġ paġni biex jinforma lill-Qorti li ma kienx lest li jixhed dwar l-inkjesta, kif huwa d-dmir tiegħu bħala espert. Harbinson kien iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti fuq il-bażi tar-rapport li fi kliemu stess huwa kkordina x-xogħol kollu fuqu. Harbinson tħallas €11-il miljun għal dan ir-rapport.

Fl-affidavit, il-‘forensic accountant’ Irlandiż kien qal li huwa regolat f’xogħlu miċ-Chartered Accountants tal-Irlanda u li meta r-rapport tlesta f’April 2024 u l-inkjesta ingħalqet ix-xahar ta’ wara, huwa ċeda l-liċenzja ta’ ‘forensic accountant’ forensiku u beda l-proċess biex ixolji l-kumpanija Harbinson Forensics. Harbinson kien qal li ma jistax iġib il-warrant lura u għalhekk skont huwa ma jistax jixhed.

Ħadd ma jaf fejn hu Jeremy Harbinson

Minn dak iż-żmien ‘l hawn huwa injora numru kbir ta’ talbiet tal-Qorti sabiex jixhed. Mhux biss baqa’ qatt ma ġie f’Malta iżda lanqas aċċetta li jixhed b’mod virtwali mir-Renju Unit. Arranħamenti li l-Qorti f’Malta ordnat li jsiru mal-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi ukoll ma wasslu imkien. Kif ma wasslu imkien lanqas il-kuntatti tal-Korp tal-Pulizija mal-Interpol biex jinstab Harbinson. 

Fid-dawl ta’ dan kollu f’April li għadda seduta dwar ‘freezing orders’ fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u numru ta’ persuni oħra b’rabta mal-inkjesta Vitals kellha tiġi diferita għal Settembru li ġej. L-Imħallef Edwina Grima kienet irrimarkat li l-proċeduri f’din il-kawża suppost li inqatgħu f’sebat’ijiem iżda minflok kollox għadu jdur fl-istess ċirku.

Barra minn hekk, minn seduta għall-oħra tal-kumpilazzjoni, qed jispiċċa ma jsir xejn bir-rappreżentanti tal-Avukat Ġenerali jfittxu kull skuża biex itawwlu.  Din l-istorja ilha għaddejja aktar minn sena bl-aktar mod li jwaqqa’ għaċ-ċajt is-suppost ġustizzja.

Bla warrant iżda inħatret bħala ‘esperta’ 

Minn naħa l-oħra meta f’Novembru 2024 l-‘esperta Serba’ Miroslava Milenovic kienet xehdet fil-Qorti, kien sar magħruf li fl-1984 hija ggradwat fil-ġeologija u fil-‘geophysics’. Meta kienet mistoqsija jekk kellix ‘degree’ fl-‘accounts’, ġaladarba fl-inkjesta Vitals tqabbdet mill-Maġistrat Gabriella Vella bħala ‘forensic accountant’, Milenovic kellha tammetti li ma kellhiex. Kien irriżulta wkoll li ma kellhiex warrant anki jekk sabiex persuna tkun tista’ taħdem bħala ‘accountant’ f’Malta jinħtieġ li jkollok waħda. 

Fuq il-bażi ta’ din ix-xhieda fil-jiem ta’ wara, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien talab li tinfetaħ investigazzjoni fil-konfront ta’ Milenovic. Kważi sena u nofs wara l-Korp tal-Pulizija wieġeb li ma hemmx bażi li fuqha għandha tkun investigata s-Serba. Kif żvelat IT-TORĊA fil-ġimgħat li għaddew l-iSpettur Joe  Mercieca li kien tqabbad iħares lejn it-talba tal-eks Prim Ministru, kien ħejja rapport lis-superjuri tiegħu fejn għadda kummenti li ipprovaw iwaqqgħu għaċ-ċajt it-talba ta’ Dr Muscat. 

L-iSpettur Mercieca kien kiteb li ried jagħmilha ċara mill-bidu nett li t-talba tal-eks Prim Ministru kienet biss ‘stunt legali’ biex tiġbed l-attenzjoni tal-midja u tikseb xi punti dwar il-kwistjoni tal-kredenzjali jew in-nuqqas tagħhom fir-rigward ta’ Milenovic. L-iSpettur Mercieca kompla jiddeskrivi t-talba tal-eks Prim Ministru bħala fl-aħjar każ, esaġerata wisq u fl-agħar każ, ereżija legali. Minflok investiga, l-iSpettur Mercieca qal li la darba lis-Serba qabbduha diversi Maħistrati, ma kienx hemm lok li wieħed imexxi.

Fil-jiem li għaddew bdiet tinstema’ kawża li l-eks Prim Ministru fetaħ biex il-Qorti tirrevedi d-deċiżjoni tal-Pulizija li ma jinvestigawx lil Milenovic.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport