Spezzjonijiet regolari u monitoraġġ kontinwu fil-Park Nazzjonali tas-Salina

Aqra wkoll

Ambjent Malta twettaq spezzjonijiet regolari u monitoraġġ kontinwu fil-Park Nazzjonali tas-Salina, inkluż l-inħawi ta’ Kennedy Grove. Matul dawn l-ispezzjonijiet ġew identifikati diversi elementi li kienu jeħtieġu manutenzjoni, tiswija jew titjib. 

Fosthom partijiet mis-sistema tat-tisqija u tad-dawl li kienu ġarrbu vandaliżmu, karatteristiċi tal-ilma li kienu jeħtieġu manutenzjoni, infrastruttura tal-park li kienet teħtieġ interventi ta’ tiswija, kif ukoll tagħmir tal-logħob li huwa skedat li jiġi sostitwit.

Iddikjarat dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea. 

Il-Ministru Dalli qalet li matul dawn l-aħħar xahrejn twettqu diversi interventi, li kienu jinkludu l-ħsad u t-tindif tal-park kollu, inkluża ż-żona tal-pikniks; it-tneħħija ta’ blat minn żoni b’inklinazzjoni; tisqija u manutenzjoni kontinwa tas-siġar; tindif u manutenzjoni ta’ karatteristiċi tal-ilma; tiswija tas-sistema tat-tisqija u ta’ bollards tad-dawl li kienu ġew vandalizzati; installazzjoni ta’ barrieri protettivi u railings f’żoni partikolari tal-park; u manutenzjoni oħra relatata mal-pajsaġġ u t-titjib ġenerali tal-ispazju. 

Fir-rigward tat-tagħmir tal-logħob, hija rrimarkat li Ambjent Malta ħarġet sejħa għall-offerti sabiex dan jiġi sostitwit. Il-proċess ta’ akkwist kien suġġett għal proċeduri ta’ appell li issa ġew konklużi u Ambjent Malta qed tkompli bil-passi meħtieġa sabiex jitwettaq il-proġett.

“Barra minn hekk, bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq il-parti prinċipali tal-ġnien, inkluż intervent fuq il-funtana prinċipali, it-tibdil tat-turf artifiċjali u xogħlijiet oħra ta’ rinnovazzjoni. Ambjent Malta ser tkompli twettaq l-interventi meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-elementi li għadhom jeħtieġu xogħol, bil-għan li dawn jitlestew skont il-programm ta’ ħidma u l-proċeduri applikabbli,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport