“Taħt Gvern Laburista, il-passat tagħna huwa l-garanzija tal-futur”. Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu minn Manuel Micallef.
Mistoqsi dwar is-Summit tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea f’Ċipru, il-Prim Ministru spjega li d-diskussjonijiet li saru kienu importanti ferm minħabba ċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi internazzjonali ta’ bħalissa.
“Tisma’ diskussjonijiet mhux biss dwar illum jew il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin imma iżjed lil hinn minn hekk. Tisma’ x’qed jiġri f’pajjiżi differenti fil-qasam ta’ suq li huwa kruċjali – l-enerġija,” qal il-Prim Ministru.
Huwa nnota kif f’dan il-qasam, dak li qed isir f’pajjiżna mhu qiegħed iseħħ fl-ebda pajjiż ieħor Ewropew. Qal li l-mexxejja Ewropej saqsewh kif qed jirnexxilna nżommu l-prezzijiet tal-enerġija u fjuwils daqshekk baxxi.
“Ir-risposta għal dan hi: Il-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiż. Dak jgħaqqad mas-sostenibbiltà tas-sussidji li qed nagħtu fil-prezzijiet tal-enerġija,” qal il-Prim Ministru.
“L-isfida tal-provvista sabitna preparati ħafna”
Huwa semma wkoll kif pajjiżna bl-insularità tiegħu għandu sfidi li pajjiżi oħra m’għandhomx. Għaldaqstant, tenna li hu aktar kruċjali li dan il-Gvern jagħti dik l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ li huma tant meħtieġa.
Dr Abela żied jgħid li l-isfida tal-provvista sabitna preparati ħafna. “Ħsibna għal kull kontinġenza u għalhekk tajna s-serħan il-moħħ,” qal il-Prim Ministru. “Konna ppreparati sa minn xhur ilu. Realment l-isfidi ma naqsu qatt. Però minn kull sfida rnexxielna noħolqu opportunità. U nara wkoll li x-xhur li ġejjin mhux se jkunu xhur faċli. Biss però filwaqt li l-isfidi huma kbar, fejn għandek tmexxija kompetenti u kredibbli, għandna opportunità għal darba oħra li noħolqu ħafna opportunitajiet.”
L-għatx għar-riformi
Mistoqsi dwar ir-riformi, il-Prim Ministru qal li jaffaxxinah l-aktar fit-tim ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u anke fi ħdan il-Grupp Parlamentari huwa l-għatx għar-riformi.
Huwa rrefera għar-riforma importanti li saret fil-liġi tal-IVF, li fi kliemu stess hi xhieda ta’ kemm dan il-Gvern li huwa progressiv. Semma wkoll il-kunċett tal-living will u qal li f’dan ir-rigward kien sar proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ fejn anke daħlu ħafna sottomissjonijiet sakemm imbagħad waslu għal konverġenza u kien hemm qbil.
Dwar ir-riforma fil-midja soċjali, Dr Abela spjega li bħalissa hemm Kumitat li qiegħed fil-proċess li jevalwa aktar minn 200 sottomissjoni biex “nifhmu aktar is-soċjetà x’tixtieq u nerġgħu nġibu konverġenza.” Imbagħad il-pass li jmiss huwa li f’Ġunju li ġej itellgħu din il-materja għad-diskussjoni fil-Kabinett sabiex tittieħed deċiżjoni.
Dwar il-proġetti, Dr Abela semma sensiela ta’ proġetti li qed isiru bħalissa fosthom l-isptar għall-kura intermedjarja, sptar ġdid għas-saħħa mentali u dipartiment imkabbar tal-emerġenza.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-proġetti oħrajn li qed isiru, fosthom dak tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far. Qal li fit-3 ta’ Mejju “se nilqgħu lin-nies biex jiġu jaraw b’għajnejhom dak li qed isir fit-trakka tal-go karts, fil-kwart ta’ mil – dak li qed isir fl-istands – imbagħad li jeħodna għaċ-ċirkwit kollu. Se jkollna proġett li huwa ġojjell għad-dilettanti kollha tal-motorsport.”
Irrefera wkoll għall-proġett tat-trasport tal-massa, Malta in Motion, li qed jara għadd ta’ servizzi integrati li jikkonsistu f’light railway, servizz tal-linja, servizz bil-baħar, forom oħra ta’ trasport u ċikliżmu. Innota r-reazzjoni pożittivi li kien hemm mill-istakeholders dwar dan il-proġett li se jieħu madwar 15-il sena biex isir, għajr għall-Oppożizzjoni, li bħalma kienet għamlet meta ġie ntrodott il-fast ferry, qed ikunu negattivi.
Dwar l-iffirmar tal-ftehim għall-ikbar investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, il-Prim Ministru spjega li dan kien ftehim ieħor b’saħħtu li qed jagħti allowance ta’ €1,500 u żieda ta’ minn tal-inqas €2,200 fis-sena għal kull uffiċjal. Dan apparti l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol bi scale progression aktar mgħaġġel.
Dr Abela fakkar ukoll li sa mill-2022, il-Gvern ikkonkluda madwar 140 ftehim għall-ħaddiema u investa maż-żewġ biljun ewro f’żidiet biss. Dawn iż-żidiet kollha, qal il-Prim Ministru, qed isiru wkoll f’kuntest fejn id-defiċit ta’ pajjiżna niżel għal taħt it-3% ferm qabel dak miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea.
“Wettaqna aktar milli wegħedna”
Dwar Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru qal li twettqu iktar inizjattivi milli wiegħed il-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali, billi ngħataw żewġ tax cuts, proġetti ambjentali ġodda, u bosta miżuri oħrajn li se jgawdu minnhom eluf ta’ ħaddiema. Temm jgħid li għandna kwart ta’ biljun ewro mwarrbin u dħul b’saħħtu li jagħtuh bi trankwillità.
B’rabta ma’ Jum il-Ħaddiem, Dr Abela qal li l-1 ta’ Mejju se niċċelebrawh fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol li huwa l-aqwa wieħed, b’Partit Laburista li rnexxielu joħloq impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jissaħħu u mistenni jkompli jagħti aktar appoġġ lil kulħadd anke fiż-żmien li ġej.


