Wednesday, April 24, 2024

TAĦT IR-RETORIKA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-ebda kampanja elettorali ma tista’ ssir mingħajr doża ta’ retorika. Tinbena madwar frażijiet u slogans, b’appelli u proposti ta’ kull xorta. Parti sabiħa minnha tkun esaġerata u partiġġjana; imma dik hi l-politika. Biss ukoll parti sostanzjali sservi biex tinkwadra l-isfidi essenzjali li tkun qed taffaċċja s-soċjetà. Għalhekk wieħed irid jistaqsi xi jkun hemm moħbi fir-retorika.

Naħseb li minn taħt ir-retorika tal-kampanja elettorali għaddejja fostna wieħed jista’ joħroġ konklużjoni li ilha evidenti: iż-żewġ partiti l-kbar jikkontestaw lil xulxin miċ-ċentru politiku, b’wieħed ixaqleb lejn “ix-xellug” u l-ieħor lejn “il-lemin”. Ir-referenzi ideoloġiċi nqatgħu kważi għal kollox. Ftit hemm materji li jifirdu ż-żewġ pożizzjonijiet tal-partiti b’mod radikali. Faċilment il-programm ta’ wieħed seta’ kien qed jiġi propost mill-partit l-ieħor.

U allura l-aqwa kompetizzjoni tippernja fuq min kapaċi li jwettaq tassew dak li jipproponi. L-għażla tispiċċa waħda bejn personalitajiet li jirrappreżentaw – tajjeb jew ħażin, veru jew le – xenarju ta’ ħidmiet li l-gvern futur se jwettaq.

ŻBILANĊI FIS-SUQ TAX-XOGĦOL

Jintqal li hawn wisq ħaddiema barranin fl-ekonomija tagħna u sirna vulnerabbli għal paraliżi jekk jitilquna. Jintqal li hawn wisq nies jaħdmu mal-gvern, numru minnhom ma jagħmlu xejn – hekk li s-settur privat mhuwiex isib lil min iħaddem u jkollu jġib ħaddiema minn barra. Jintqal li l-ħlasijiet prattikati f’ħafna impriżi privati ma joffrux pagi “diċenti” jew “attrajenti” u għalhekk jitilfu n-nies.

Wieħed jistħajjel li mhux kollox ikun kif jintqal. Imma li hemm żbilanċi serji fil-qagħda tas-suq tax-xogħol mhijiex xi ħaġa li tidher improbabbli. Bil-maqlub.

Meta tkun għaddiet il-ħamba tal-elezzjoni, jagħmel tajjeb il-gvern il-ġdid li jitlob li jsir studju approfondit tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna biex niddeterminaw tajjeb fejn jeżistu l-iżbilanċi, fhiex jikkonsistu eżatt u kif jistgħu jiġu mwittija biex nassiguraw l-aħjar użu tar-riżorsi umani li għandna fil-pajjiż.

L-INVAŻJONI TAL-UKRAJNA

Ili ngħid u naqbel ma’ min jgħid, li r-Russja kellha raġunijiet leġittimi għaliex tilmenta li ġiet ttrattata ħażin mill-“Punent”. Veru wkoll li l-punti dwar is-sigurtà tagħha li qajmet fir-rigward tal-Ukrajna ( u ta’ pajjiżi oħra li qabel kienu fil-blokk Sovjetiku) ma tistax twarrabhom, kif xtaqu jagħmlu esponenti tal-Punent.

Biss bl-ebda mod, wieħed ma jista’ japprova jew jiddefendi l-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna. Jirrapreżenta ksur lampanti tad-dritt internazzjonali. Gwerra tista’ tkun ġustifikata biss bl-aqwa raġunijiet possibbli quddiem ċirkostanzi ta’ urġenza u ta’ theddida gravissima. La kien hemm waħda u lanqas l-oħra.

Ir-Russja varat ħidma ta’ agressjoni li jixirqilha kull kundanna u li għad tkun ta’ dannu kbir għall-istess interessi tagħha.

Sport