“Fil-futbol, daqqa terbaħ u oħra titlef. Imma għalija dan huwa wkoll il-vjaġġ li għamel id-differenza f’ħajti. Dan il-vjaġġ lejn ir-rebħ tal-kampjonat kien wieħed b’ħafna tagħlim.
Dawn is-sett ta’ plejers huma l-aqwa li ħdimt magħhom. Plejers tajbin. U jistħoqqilhom dan aktar minn ħaddieħor. Prosit lil dawk kollha involuti hekk kif nistgħu ntemmu l-istennija ta’ 16-il sena ta’ Apollon għat-titlu”. Iddikjara dan l-eks attakkant ta’ Hibernians u Marsaxlokk André Schembri ftit sigħat wara l-aħbar ta’ dan is-suċċess għal Apollon FC. L-eks plejer Malti, b’karriera ta’ esperjenza anke ma’ timijiet barranin qal dan bħala d-Direttur ta’ Apollon Limassol.
Apollon Limassol kisbu l-ħames titlu tal-kampjonat wara li għelbu lil Aris Limassol bl-iskor ta’ 4-1.
Dan wassal biex marru sitt punti minn fuq meta baqa’ biss logħba waħda x’tilgħab.
Għat-tim Ċiprijott tal-ewwel diviżjoni dan huwa l-ewwel titlu ta’ kampjonat tal-klabb sa mill-2006.
Huwa assigurat dan ir-rebħ wara li l-eqreb rivali fit-taqtigħa għat-titlu, APOEL kisbu biss draw 1-1 f’darhom kontra Anorthosis Famagusta.
B’riżultat ta’ dan, Apollon kabbru d-distakk minn erba’ punti għal sitta fil-klassifika.
Dawn iż-żewġ riżultati temmew iċ-ċans għat-tieni favoriti li jibqgħu jittamaw sal-aħħar logħba.