Theuma jgħid li kien jibża’ li joqtluh hekk kif id-difiża tkompli tisfida l-kredibbiltà tiegħu

Melvin Theuma qal li kien jibża’ li joqtluh hekk kif il-kontro-eżami tiegħu kompla jiffoka fuq il-kredibbiltà tiegħu, bl-avukati ta’ Yorgen Fenech jikkonfrontawh b’recordings, messaġġi u dikjarazzjonijiet li kien għamel fil-passat

Aqra wkoll

Matul is-seduta ta’ filgħodu, Theuma ammetta li f’ċerti każijiet kien gideb jew “bluffja”, iżda baqa’ jinsisti li, fejn jidħol ir-rwol ta’ Fenech fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jgħid il-verità.

Wieħed mill-aktar punti jaħarqu tas-seduta kienu l-mistoqsijiet dwar ħlas li allegatament għadda lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Id-difiża semmgħet recording li fiha Theuma jinstema’ jgħid li Cutajar kien irċieva bejn €15,000 u €16,000. Iżda fil-qorti, Theuma qal li dan kien “bluff”. “Kont qed nibbluffja,” qal, waqt li insista li jekk wieħed jisma’ r-recording kollu, jinstema’ wkoll jgħid li l-Kummissarju qatt ma ħa flus. De Marco kkonfrontatu bil-fatt li fir-recording ma kienx qed jgħid dak li issa kien qed jgħid fil-qorti.

Il-konfront bejn it-tnejn tqawwa hekk kif de Marco qaltlu li kien qed jigdeb dwar nies oħra u jtebbagħlhom isimhom. Theuma ammetta li kien ta informazzjoni falza dwar Cutajar, iżda reġa’ insista li kien għamel dan bħala “bluff” u li qatt ma kellu kuntatt mal-eks Kummissarju. “Qatt ma kelli informazzjoni mingħand il-Kummissarju. Serraħ moħħok,” qal Theuma.

De Marco wieġbet li ma setgħetx isserraħ moħħha meta Theuma stess kien qed jammetti li kien jibbluffja u jsemmi n-nies f’allegazzjonijiet li ma kinux veri. “Qed ngħid il-verità,” insista Theuma.

‘Kont nibża’ li joqtluni’

F’mument ieħor, id-difiża reġgħet daret mal-fatt li Theuma kien iħassar materjal li ma kienx idoqqlu. Theuma qal li kultant kien iħassar affarijiet. Imbagħad de Marco staqsietu jekk kienx jibża’ li Yorgen Fenech kien se jinqatel. “Kont nibża’ li joqtluni,” wieġeb Theuma. Id-difiża mbagħad staqsietu dwar ir-recordings sigrieti li kien jagħmel.

“Int kont tagħżel lil min tirrekordja?” staqsietu de Marco. “Kont nirrekordja lin-nies meta jfettilli,” wieġeb Theuma. Meta ġie mistoqsi jekk kienx jirrekordja lil Fenech meta beda jmur għandu għall-flus, Theuma rreaġixxa bil-qawwa. “Agħżel kliemek sew, għax jien qatt ma heddidt lil ħadd,” qal. Huwa żied li Fenech kien jgħidlu li “l-poter tagħna huma l-flus”.

Theuma kien lest iħallas €10,000 biex isib ritratt

Parti sostanzjali tas-seduta kienet iddedikata wkoll għal ritratt ta’ Keith Schembri li kien fost il-materjal li kellu Theuma. Il-qorti rat sensiela ta’ messaġġi bejn Theuma u Shianne Zammit, kif ukoll bejn is-sieħba ta’ Theuma, Charmaine, u l-istess bintha Shianne. Il-messaġġi juru lil Theuma jipprova jsib ritratti u recordings li kienu sparixxew. Meta Shianne qaltlu li ma kinux qed jinstabu u li setgħu tħassru, Theuma qal li ma kienx jaf x’se jagħmel u li kien lest iħallas €10,000 biex isibhom. De Marco staqsietu jekk kienx qed jirreferi għar-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri f’Kastilja. “Tiftakar meta tlift ir-ritratt famuż tiegħek ma’ Keith Schembri f’Kastilja? Kont qed tiġġennen meta tliftu u kont lest tħallas €10,000 biex terġa’ ssibu,” qaltlu.

Theuma wieġeb li ma jiftakarx. Il-messaġġi li ntwerew fil-qorti juru wkoll lil Charmaine titlob lil Shianne biex tfittex il-materjal. Charmaine qalet li r-ritratt kellu jkun fuq il-laptop, iżda Shianne wieġbet li ma kienx hemm. Hija spjegat ukoll li kienet darba printjat ir-ritratt minn iPhone 6, iżda l-mobile ma kienx għadu jaħdem.

‘Edwin irid ir-ritratt biex ibeżżagħhom’

F’messaġġi oħra li ntwerew fil-qorti, Charmaine tkellmet ma’ bintha dwar ir-ritratt u dwar Edwin Brincat, magħruf bħala l-Ġojja. Charmaine staqsiet għaliex Edwin kien qed jerġa’ jqajjem il-kwistjoni tar-ritratt, u qalet li kien qed jinsisti li jrid ir-ritratt. Skont il-messaġġ, Edwin ried jieħu r-ritratt “fejn kellu bżonn jieħdu” biex ibeżża’ lin-nies. Id-difiża staqsiet lil Theuma jekk kienx bagħat lil Edwin jieħu ritratti tiegħu ma’ Keith Schembri għand il-Kummissarju tal-Pulizija. “Le, qatt,” wieġeb Theuma.

‘Il-Ġojja kien jgħinni u jagħtini pariri’

Id-difiża kompliet tesplora r-rwol ta’ Brincat u jekk dan kienx qed jiggwida lil Theuma dwar x’għandu jagħmel u x’għandu jgħid. Theuma ċaħad li Brincat qatt għenu jorganizza r-recordings jew ipoġġi kliem f’fomm ħaddieħor. Madankollu, ammetta li Brincat kien jgħinu u jagħtih il-pariri. “Kien jgħinni u jagħtini pariri,” qal Theuma. F’recording li nstemgħet fil-qorti, Brincat jinstema’ jgħid lil Theuma biex isemmi lin-nies b’isimhom, minflok juża laqmijiet jew kliem ġeneriku bħal “friend”. Theuma spjega li Brincat kien tah dan il-parir biex ikun hemm ismijiet ċari fir-recordings u b’hekk ikollu aktar evidenza. Meta de Marco staqsietu kontra min ried juża din l-evidenza, Theuma qal li ried eventwalment jikxef kollox u jikseb tnaqqis fil-piena.

‘Yorgen ħallas €150,000 għall-bomba’

Id-difiża staqsiet ukoll lil Theuma dwar il-flus li ngħataw għall-bomba użata fil-qtil. Theuma qal li Fenech kien ħallas għall-bomba, li skontu swiet €150,000. Huwa qal li hu ħallas €30,000 bil-quddiem, u €120,000 wara. Id-difiża staqsietu jekk kienx jaf li kien se jingħata maħfra presidenzjali kemm għall-ħasil tal-flus kif ukoll għall-qtil. Theuma qal li ried li l-maħfra tkopri ż-żewġ reati. “Iva, 100%,” wieġeb meta ġie mistoqsi jekk kienx ċert. ‘Qatt ma ħadt ċenteżmu minn dawk il-flus’ Id-difiża ppruvat ukoll tistabbilixxi li Theuma kien qed juża r-recordings u d-dokumenti li kellu biex jagħmel pressjoni fuq Fenech għall-flus. Theuma ċaħad dan.

Meta ġie mistoqsi kif kien jgħid lil Fenech li kellu bżonn il-flus, huwa spjega li kien jgħidlu li kienu meħtieġa għall-avukati u spejjeż oħra. De Marco osservat li ma kien hemm l-ebda recordingli fiha Theuma jidher jitlob direttament il-flus mingħand Fenech. Theuma qal li kien iħossu skomdu jitlobhom, iżda Fenech kien jgħidlu li qatt ma kien se jħallih ibati. F’mument ieħor, Theuma għolla leħnu u qal li qatt ma ħa ċenteżmu minn dawk il-flus, u li kieku Fenech ma kienx daħħlu f’din il-ħaġa, kien ikun raġel sinjur.

‘Ma ridtx nibqa’ pupazz maqbud fin-nofs’

Il-qorti semgħet ukoll recording li fiha Theuma kien qed jitkellem ma’ Brincat. Fih, Theuma jinstema’ jgħid li kellu bżonn jitbiegħed minn Fenech u li kien “ixxokkjah” u “ġiegħlu jibki”. Theuma qal li ma riedx jibqa’ “pupazz maqbud fin-nofs” u li ried li Fenech jitkellem ma’ Mario Degiorgio dwar il-flus.

Theuma jibqa’ jinsisti li Fenech ikkummissjona l-qtil

Minkejja l-ammissjonijiet tiegħu li f’ċerti każijiet kien gideb jew “jibbluffja”, Theuma baqa’ sod fuq il-qofol tax-xhieda tiegħu. Id-difiża staqsietu jekk kienx mar għand Fenech bid-dokumenti, ir-ritratti u r-reġistrazzjonijiet biex jagħmel pressjoni fuqu u jikseb il-flus. Theuma ċaħad dan u reġa’ insista li Fenech kien il-persuna li kkummissjonat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. “Yorgen Fenech ikkummissjona l-qtil,” qal Theuma.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport