Mal-ftuħ tal-Parlament għall-15-il leġiżlatura, dlonk bdiet il-ħidma li se twassal biex ikunu diskussi u jgħaddu numru ta’ liġijiet li l-Gvern se jkun qed jimbarka fuqhom fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Tant hu hekk li malli ġiet fi tmiemha ċ-ċerimonja tal-ħatriet tad-deputati kollha, tressaq l-ewwel abbozz ta’ liġi li mistenni jwassal għal bidliet kruċjali f’pajjiżna biex jissaħħu drittijiet fundamentali ta’ persuni b’diżabiltà.
Nemmnu li l-fatt li l-Parlament tlaqqa’ proprju fl-iqsar żmien wara elezzjoni ġenerali, huwa indikattiv ta’ kemm il-Gvern beħsiebu jaħrab jiġri bl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tiegħu li joħroġ mill-manifest Int Malta, li l-poplu Malti u Għawdxi emmen fih u issa jrid jara li l-proposti li tressqu ’l quddiem ikunu mwettqa.
Il-programm elettorali tal-Gvern jitkellem b’mod ċar. Jistabbilixxi miri ċari u meta dawn iridu jintlaħqu. Jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja. Is-saħħa tal-ekonomija u d-dħul tan-nies jibqgħu wkoll kruċjali. B’miżuri wkoll favur is-sostenn tat-tkabbir ekonomiku u s-suq tax-xogħol li huma mibnija fuq il-prinċipji tal-produttività u l-valur miżjud.
Il-Gvern dejjem irrimarka li s-suċċess ta’ dan il-pajjiż huwa ffurmat mill-ħolm tan-nies tiegħu. Għalhekk din hi l-viżjoni tal-Gvern u l-pjan ta’ ħidma għas-snin li ġejjin huwa msejjes fuq l-aspirazzjonijiet ta’ kull min jgħix f’dawn il-gżejjer.
Wara kollox, kif ġie anke nnutat mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt il-ftuħ mill-ġdid tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, dan huwa l-programm tal-Gvern li għażel il-poplu. Pjan ambizzjuż li jagħti ċarezza u serħan il-moħħ lil dan il-pajjiż, li jkompli jibni fuq il-kisbiet kbar li diġà saru.
Għalhekk filwaqt li nawguraw lill-Membri Parlamentari kollha f’din il-leġiżlatura ġdida, nittamaw li din il-leġiżlatura tkun waħda kkaratterizzata mir-rispett u li twassal biex tkompli tissaħħaħ il-fiduċja fil-Parlament.
Nawguraw ukoll lill-Ispeaker il-ġdid Carmelo Abela li bla ebda dubju l-esperjenza li għandu fil-Parlament, l-integrità u r-rettezza tiegħu jagħmluh idoneu għal din il-kariga, filwaqt li nroddu ħajr lill-Ispeaker preċedenti Dr Anġlu Farrugia għall-kontribut li ta tul it-13-il sena tiegħu fil-kariga li fihom ħadem kemm felaħ biex jitwettqu diversi riformi f’din l-istituzzjoni.

